Titnieda l-attivita’ Birgu by Christmas Lights

 

 

 

L-istorja tal-attivita tal-Milied ser tieħu l-ħajja fit-toroq tal-Birgu mifruxa fuq żewġ iljieli bejn il-Ġimgħa 19 u s-Sibt 20 ta' Diċembru, 2008.

L-avveniment "Birgu By Christmas Lights" diġa huwa mistenni li jiġbed eluf ta' persuni kif seħħ fl-ewwel edizzjoni s-sena li għaddiet. Din is-sena, l-attivita ser tkun mifruxa fuq żewġ iljieli u din issegwi s-suċċess li ġabet l-attivita tas-sena l-oħra, "Carols by Christmas Lights".

F'dawn l-iljieli, l-Birgu se jiżżarma mid-dawl elettriku, ħlief għad-dawl dekorattiv li jġibu magħhom il-ġranet tal-Milied u jinxtegħel biss id-dawl tax-xemgħa.

Dan tħabbar matul konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Sindku, s-Sur John Boxall, li għaliha attenda wkoll is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Pubbliku u Informazzjoni, Dr Chris Said.

Filwaqt li tkellem dwar l-attivitajiet li l-Kunsill Lokali qiegħed jorganizza f'dan il-lokal, John Boxall qal li dan kollu jsir għax il-Kunsill għandu r-residenti warajh li jappoġġjaw kull inizjattiva li tittieħed biex jaraw il-lokal tagħhom jissebbaħ.

John Boxall faħħar l-impenn tas-Segretarju Parlamentari, Chris Said, għall-interess li jieħu u l-għajnuna li jagħti fil-ħidma tal-Kunsilli Lokali.

Il-ko-ordinatur ta' dawn l-attivitajiet, is-Sur Noel Castillo spjega li fl-ewwel serata f'Misraħ ir-Rebħa mis-6 ta' filghaxija 'il quddiem, se jkun hemm programm sħiħ ta' għanjiet tal-Milied, żfin u kant bis-sehem ta' madwar 300 tifel u tifla taħt id-direzzjoni ta' Analise u Alison Ellul.

Iżjed tard jitlaq marċ minn Triq il-Mina l-Kbira, filwaqt li fid-9.15pm fil-Knisja ta' Maria Annunzjata jibda programm tal-Milied minn "The Fanfare Brass Quintet" taħt id-direzzjoni ta' Emanuel Spagnol, filwaqt li fil-knisja ta' Santa Skolastika jibda programm ta' għanjiet tal-Milied minn Għaxaq Folk Ensemble.

Minbarra hekk, se jkun hemm ukoll presepju ħaj bis-sehem ta' diversi atturi b'ilbies tal-epoka u anke annimali marbutin mal-ġrajja tal-Milied, produzzjoni tal-Għaqda Kultura u Armar Marija Annunzjata ta' Ħal Tarxien.

Ikun hemm ukoll mużiċisti bi strumenti tradizzjonali u diversi vjolinisti jdoqqu għanjiet tal-Milied. F'Misraħ ir-Rebħa fit-8 ta' filgħaxija jibda kunċert mill-Banda tal-Forzi Armati ta' Malta u iżjed tard ikun hemm ukoll marċ mill-banda tal-Pulizja. Fl-10pm jibda kunċert mill-banda tal-Pulizija akkumpanjata minn Ludwig Galea.

Is-Sibt il-programm jibda bi 'Christmas Talent Show' bis-sehem ta' diversi korijiet, skejjel taż-żfin u kantanti żgħażagħ, filwaqt li fil-Knisja Parrokjali ta' San Lawrenz ikun hemm programm tal-Milied imtella' mill-grupp Enkor.

Fi Triq Hilda Tabone u fi Triq il-Mina l-Kbira jkun hemm "The Big Friends Guggen Musik", grupp ta' mużiċisti lebsin ta' Santa Claus.

Fl-inħawi tal-knisja ta' San Lawrenz, ikun hemm presepju ħaj fuq stil tradizzjonali animat minn madwar 20 attur minn St Philip Paegaent Group u l-Kumitat Kultura Għaqda Banda San Filep, ta' Ħaż Żebbuġ.

Il-qofol tal-attivitajiet jintlaħaq f'The Christmas Parade fejn fit-8 ta' filgħaxija tibda parata spettakolari tal-Milied bis-sehem ta' Big friends Guggen Musik, diversi animaturi, karattri tal- cartoons, u madwar 400 żeffien minn diversi skejjel taż-żfin bis-sehem ta' diversi kantanti.

Il-postijiet kollha ta' interess storiku u kulturali, mużewijiet u esebizzjonijiet li se jintramaw f'din l-okkażjoni ser ikunu miftuħin għall-pubbliku sa tard bil-lejl. 

Barra mill-attivitajiet se jintramaw ukoll stands tal-ikel fejn se jinbiegħ ikel tradizzjonali tal-Milied.

Dr Chris Said qal li matul dawn l-aħħar 15-il sena, il-Kunsill Lokali tal-Birgu għaraf jaħdem bil-baġit li kellu u llum sar titjib kbir fil-lokalita. Qal li l-Kunsill irnexxielu jgħaqqad flimkien lir-residenti kif ukoll l-għaqdiet tal-lokal li flimkien jaħdmu għal għan wieħed, dak li jsebbħu l-lokal tagħhom.

Intant is-Sindku ħabbar li l-Kunsill Lokali jinsab għaddej bil-preparamenti tiegħu għall-attivitajiet simili fid-dawl tax-xemgħa għal Ħamis ix-Xirka.