Tirritorna l-Maratona tal-Pool




Tirritorna l-Maratona tal-Pool

Għall-ħdax –il sena konsekuttiva il-Kulleġġ Santa Margerita sekondarja subien tal-Birgu, din id-darba bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Birgu, se jorganizza l-Maratona ta’ 51 siegħa logħob tal-Pool bejn il-Ġimgħa 28 u l-Ħadd 30 ta’ Mejju fis-sala tal-istess skola. Din is-sena, il-fondi miġbura se jmorru b’riżq TGHANNIQA, skola tal-komunita’ li tinsab f’Bormla li toffri għajnuna soċjali u edukattiva lil tfal u zgħazagħ mill-Kottonera.
 
 
Erbatax-il student mill-iskola tal-Fortini se jieħdu sehem f’din il-maratona u għall-ewwel darba qed jingħaqdu magħhom erba’ studenti mill-iskola tal-Verdala. Il-maratona se tibda l-Ġimgħa 28 ta’ Mejju filgħodu u tibqa’ sejra bla waqfien sal-Ħadd ta’ wara, f’nofs in-nhar. Il-plejers parteċipanti se jkunu maqsuma f’zewg gruppi u se jikkompetu kontra xulxin b’sistema round robin sakemm jgħaddu għat-tieni fażi li mbagħad twassal għall-kwartifinali, semifinali u l-finali. L-għan tal-kompetizzjoni huwa biss sabiex jinzamm l-entużjażmu fost il-parteċipanti, b’mod speċjali fil-ħinijiet ta’ bil-lejl meta l-għejja tibda tinħass sew. L-għan jibqa’ dejjem li permezz ta’ din l-attivita’ sportiva, jinġabru fondi sabiex tiġi mgħejjuna organizzazzjoni filantropika. Għaldaqstant kull plejer li se jieħu sehem fil-maratona se jkun rebbieħ.
 
It-tmintax–il student li ntgħażlu sabiex jieħdu sehem fil-maratona ta’ din is-sena ħadu sehem f’turnament li sar fiż-żewġ skejjel. L-aħħar fażi tiegħu sar ftit tal-granet ilu f’Baystreet, meta dak in-nhar ħareg it-tim finali ta’ parteċipanti għall-maratona ta’ din is-sena.
 
Din il-ħdax -il edizzjoni tal-Maratona tal-Pool ghall-ftuh taghha se jkunu prezenti bosta Ministri, Membri Parlamentari tad-Distrett, Sindki tat-tlett ibliet u Sindki tal-lokalitajiet tal-madwar. Preżenti ghall-ftuħ se jkun hemm il-membri parlamentari tat-tieni distrett flimkien mas-sindki tal-Kottonera kif ukoll ufficjali gholja mid-dipartiment ta’ l-Edukazzjoni. Matul it-tlett ijiem tal-maratona se jiġu organizzati bosta attivitajiet fosthom serati ta’ varjeta’ il-Gimgħa u s-Sibt u attivita’ tradizzjonali maltija l-Hadd filgħodu.
 
Il-maratona tal-Pool bdiet tiġi organizzata fl-1999. L-għan kien li fl-istudenti ta’ l-iskola tal-Fortini jitrawwem sens ta’ altruwiżmu filwaqt li jifhmu li huma wkoll għandhom sehem x’jagħtu lis-soċjeta’. Ġie deċiż li dan isir permezz ta’ attivita’ sportiva, minħabba li l-isport jiġbor fih l-elementi ta’ dixxiplina, ħbiberija, dedikazzjoni u impenn. Intgħażel il-Pool għax huwa sport popolari ħafna magħna l-maltin, sport li jiġi pprattikat ħafna fil-każini u l-klabbs lokali. 
Hija l-unika maratona sportiva filantropika li tiġi organizzata fil-Kottonera u f’dawn l-aħħar tmien snin dejjem kienet okkażjoni fejn fiha ħareġ is-sabiħ tan-nies u tar-reġjun tal-Kottonera.
 
Programm ta’ Attivitajiet:
 
Il-Gimgħa 28 ta’ Mejju
10.00   -   Ftuħ Ufficjali tal-Maratona
20.00   -   Serata ta’ varjeta imtellgħa mill-iskola sekondarja tal-bniet ERIN SERRACINO INGLOTT ta’ Bormla.
 
Is-Sibt 29 ta’ Mejju
10.30-12.30          Workshop bit-tafal
10.00-12.00          Model Show mill-Assoċjazzjoni Die Cast and Scale Model Society.
14.00-16.00          Attivita’ tal-Arti tal-Graffiti
20.00                     BBQ u Serata ta’ Varjeta’
‘Eurovision Song Contest 2010’ fuq Big Screen fil-bitħa ta’
l-iskola sekondarja subien Fortini.
 
Il-Hadd 30 ta’ Mejju
08.30-12.00          ‘Hadd filghodu Malti’ imtella’ hdejn l-iskola sekondarja tal-Fortini b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Birgu.
Attivita’ li tinkludi ikel tradizzjonali malti, artiġjanat, xogħol fix-xema’ tan-naħal, lavur fl-injam, xogħol tal-bizzilla u ganutell.
 
08.30-12.00                   Abseiling u attivitajiet oħra sportivi, ħdejn l-iskola.
 
11.00-12.00                   Quddiesa ta’ radd il-ħajr fil-bitħa tal-iskola
 
12.00-13.0                             Finali u għeluq tal-Maratona tal-Pool, fis-sala tal-iskola.
 
 
Programm ta’ attivitajiet fil-gimghat ta’ qabel il-Maratona
 
 
Il-Ħadd 2 ta’ Mejju
Post: Baystreet, Paceville
L-ewwel parti tal-fażi finali tat-turnament ta’ kwalifikazzjoni sabiex jintagħzlu l-plejers li se jieħdu sehem fil-Maratona tal-Pool ta’ din is-sena.
 
 
It-Tlieta 11 ta’ Mejju
Post: Kulleġġ Santa Margerita-Verdala
Car Wash 
 
It-Tlieta 18 ta’ Mejju
Post: Kulleġġ Santa Margerita-Fortini
Car Wash 
 
L-Erbgħa 19 ta’ Mejju
Post: Kalkara
Fun Run għat-tfal
 
Il-Ħadd 23 ta’ Mejju
Treasure Hunt għall-pubbliku
 
28 – 30 ta’ Mejju
Post: Kulleġġ Santa Margerita Sekondarja Subien, Fortini - Birgu
Maratona ta’ 51 siegħa logħob tal-Pool