Is-servizzi tal-Berġa tal-Gvern fil-Birgu f'post ġdid

Is-servizzi tal-Berġa tal-Gvern fil-Birgu f’post ġdid

Is-servizzi li jingħataw mill-Berġa tal-Gvern fil-Birgu ċċaqilqu mill-bini li kien jintuża s’issa għal waħda mill-Bereġ mibnija fi żmien l-Ordni tal-Kavallieri f’Malta, l-Berġa tal-Ingilterra fi Triq il-Majjistral.

Dan il-bini Storiku, li kien ġie devolut mill-Gvern Ċentrali lill-Kunsill Lokali tal-Birgu, diġa jospita fih il-Librerija Reġjonali fis-sular ta’ fuq, bis-sular t’isfel issa ġie ddedikat biex minnu jingħataw is-servizzi mediċi fil-lokal.

L-inawgurazzjoni ta’ din il-berġa saret minn Joe Cassar, il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita, minn Chris Said, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali u minn John Boxall, is-Sindku tal-Birgu.

Il-klinika li kienet tintuża sal-aħħar jiem mhix daqshekk adegwata anke minħabba l-umdita kbira li hemm fil-post.

Il-Ministru Joe Cassar spjega kif kien meħtieġ li l-berġa l-antika ma tibqax tintuza u minflok is-servizz jingħata minn post dinjituż. Hu spjega li din iċ-ċaqliqa, riżultat ta’ ħidma konġunta bejn il-Gvern u l-Kunsill Lokali, torbot mal-politika tal-Gvern, dik li sa fejn hu possibli tkun moqdija aħjar fil-lokalita tagħha stess.

Min-naħa tiegħu, s-Sindku tal-Birgu kellu kliem ta’ tifħir għal dan il-pass li hu sejjaħ importanti u ta’ gwadan għar-residenti, u li kien ħolma li kienet ilha tberran f’moħħ il-membri tal-Kunsill Lokali. Hu fisser kif il-qasam tas-saħħa hu wieħed mill-prijoritajiet tal-ħidma tal-Kunsill, flimkien mal-Edukazzjoni u l-Isport, u dan għaliex iktar minn 700 resident mill-popolazzjoni ta’ taħt it-3,000 li għandu l-Birgu għandhom iktar minn 61 sena.

John Boxall spjega li fil-qrib il-Gvern se jgħaddi iktar propjeta publika f’idejn il-Kunsill Lokali u semma, b’mod speċifiku l-binja tal-Berġa ta’ Franza.

Il-ftuħ ta’ din il-klinika fil-Berġa tal-Ingilterra u l-għeluq tal-Berġa l-antika ġie milqugħ ukoll mill-ħaddiema li joffru s-servizz mediku, kif spjegat lin-Nazzjon, in-Nursing Officer Josette Scicluna li kienet fil-post. Hi fissret kif iċ-ċaqliq lejn il-bini sabiħ bħal ma' hi l-Berġa tal-Ingilterra jħalli effett pożittiv fuq il-pazjenti li jmorru għall-kura u anke fuq il-ħaddiema nfushom li joffru s-servizz.