Proċess ta' konsultazzjoni għal riforma fl-operat tal-Kunsilli Lokali

Is-Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni, l-Onor. Dr Chris Said nhieda website u freephone illi permezz tagħhom il-pubbliku jkun jista' jgħaddi s-suġġerimenti tiegħu bħala parti mill-proċess ta' konsultazzjoni għar-riforma tal-Kunsilli Lokali.

Is-Segretarju Parlamentari fisser li l-iskop ta’ dan il-proċess huwa li wara esperjenza ta’  ħmistax-il sena ta’ Kunsilli Lokali f’pajjiżna, nibnu fuq it-tajjeb li sar u nibdlu fejn hemm bżonn biex jiġi msaħħaħ l-operat tal-Kunsilli Lokali bl-iskop li  jkunu aktar effettivi u jilħqu aħjar l-aspirazzjonijiet tar-residenti fit-tmienja u sittin lokalita’ mxerrda ma’ Malta u Għawdex.  Dan il-proċess tnieda mill-Prim Ministru fit-23 ta' Mejju u ser ikompli għaddej għal sitt xhur sal-aħħar ta' Novembru.

Is-Segretarju Parlamentari spjega l-importanza li fil-proċess tar-riforma tal-Kunsilli Lokali, jipparteċipa wkoll il-pubbliku in ġenerali għaliex fl-aħħar mill-aħħar il-Kunsilli Lokali qegħdin hemm biex iservu lir-residenti ta' kull lokalita` u biex jiżguraw kwalita' ta' ħajja aħjar f'kull lokalita`.  Għalhekk, barra l-laqgħat li ser isiru għall-pubbliku in ġenerali ġiet imnedija website bl-indirizz www.kunsillilokali2015.gov.mt.

Il-website li ġiet imnedija, tinkorpora fiha blogs, stħarriġ u diversi links.  Tagħti wkoll dettalji dwar il-proċess ta' konsultazzjoni li għaddej. Is-sit huwa W3C compliant, jiġifieri huwa aċċessibbli minn persuni b’abiltajiet viżivi differenti u jista’ jinqara minn computers għal dawk neqsin mid-dawl.  Fl-istess okkażjoni tħabbar ukoll l-indirizz tal-posta elettronika li jista' jintuża biex wieħed jibgħat is-suġġerimenti tiegħu.  Dan huwa kunsillilokali2015atgov [dot] mt (kunsillilokali2015atgov [dot] mt)

Ma’ dan ġie mniedi wkoll freephone bin-numru 8007 2340 fejn wieħed jista' jċempel waqt il-ħin normali tal-uffiċċju u jħalli s-suġġerimenti tiegħu.  Apparti dan, kull min jixtieq jista' jibgħat ukoll is-suġġerimenti tiegħu bil-mitkub fl-indirizz:  RIFORMA KUNSILL LOKALI, Auberge de Castille, Valletta, VLT 2000.

Is-Segretarju Parlamentari qal li ġiet imwaqqfa Unit apposta fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru li qed tirċievi s-suġġerimenti kollha u tħejji rapport li abbażi tiegħu l-Gvern irid jimplimenta t-tibdil li hemm bżonn fil-liġi li waqqfet il-Kunsilli Lokali, r-regolamenti u policies li jirrigwardjaw il-ħidma tal-istess Kunsilli Lokali.

Dr Said ħeġġeġ lill-pubbliku in ġenerali sabiex jagħmel użu minn din l-għodda li qed tiġi provduta u jagħti s-sehem tiegħu biex niżguraw li jkollna Kunsilli Lokali aktar effettivi.