Laqgħa għas-sidien ta' opri tal-baħar reġistrati mal-Kunsill Lokali tal-Birgu

Nhar it-Tlieta 23 ta' Ġunju, 2009, ġew imsejħa mill-Kunsill Lokali tal-Birgu dawk kollha li għandhom xi tip ta' opra tal-baħar u jpoġġuha fuq l-art fiz-zona ta' Sally Porte, il-post magħruf bħala "It-Toqba, ħdejn tal-Callus", sabiex jattendu għal-laqgħa li saret f'Gallerija Couvre Porte apposta għalihom.

Għal din il-laqgħa, it-tieni waħda għal dawn in-nies, attendew 49 persuna, tista' tgħid attendew dawk kollha li għandom opra tal-baħar li titpoġġa fil-post imsemmi jew fil-viċinanza jew għandhom xi mażra fid-daħla magħrufa bħala "Kalkara Creek".

Din il-laqgħa ġiet indirizzata mis-Sindku tal-Birgu, John Boxall, fejn spjega dawk il-problemi li fil-futur jistgħu jinqalgħu minħabba l-iżvilupp li ser isir f'din iz-zona, kif ukoll għal mod ta' kif qed jiġu mitluqa l-opri tal-baħar minn uħud. F'din il-laqgħa tiġi diskussa l-problema tal-mażri fejn ġie nnutat li hemm ħafna mżażar li lanqas biss nafu ta' min huma kif ukoll bosta mżażar li qatt ma ġew irreġistrati.

Matul din il-laqgħa, dawk preżenti kellhom l-opportunita li jagħmlu l-kummenti tagħhom dwar dak kollhu relatat mal-aġenda ta' dik il-laqgħa, fejn issemew numru ta' suġġerimenti validi ħafna.

L-aġenda prinċipali ta' din il-laqgħa kienet li minn fost dawk preżenti jinħatru ħamsa min-nies sabiex jiġi ffurmat sotto kumitat fi ħdan il-Kunsill Lokali tal-Birgu biex jirrapreżenta lil dawk kollha preżenti.  Il-membri li ġew magħżula huma:

1. Is-Sur Joseph Cachia

2. Is-Sur Joseph Cachia

3. Is-Sur Raymond Piscopo

4. Is-Sur Martin Zammit Fields

5. Is-Sur Alexander Gatt

Fil-laqgħa tal-Kunsill Lokali tal-Birgu li jmiss dawn il-persuni ser jitressqu għall-approvazzjoni tal-Kunsill biex b'hekk dan is-sotto kumitat ikun iffurmat kif titlob il-liġi li tirrigwardja l-funzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.

Fi tmiem il-laqgħa, is-Sindku, s-Sur John Boxall, għan-nom tal-Kunsill irringrazzja lil dawk preżenti li laqgħu l-istedina tal-istess Kunsill u għamel resume  ta' dak kollhu li ntqal u ġie deċiż f'din il-laqgħa.