Laqgħa Annwali Pubblika 2007-2008

Laqgħa Pubblika Annwali 2007-2008

Għall-erbatax-il sena konsekuttiva, l-Kunsill Lokali tal-Birgu qed jorganizza din il-laqgħa pubblika annwali fejn ir-residenti huma mistiedna jagħtu s-suġġerimenti u l-kummenti tagħhom sabiex jiġu kkunsidrati fit-tfassil tal-estimi finanzjarji tal-istess Kunsill għas-sena 2008-2009 sabiex flimkien, nkomplu nsebbħu l-Belt tal-Birgu.

Iżda l-għan ewlieni ta’ din il-laqgħa huwa sabiex il-Kunsill Lokali tal-Birgu jagħti rendikont u ħarsa estensiva lejn is-sena ta’ ħidma ta’ bejn April 2007 u Marzu 2008, sena xhieda tal-impenn li ntwera sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Kunsill Lokali tal-Birgu.

Dan ir-rapport annwali jkopri l-ewwel sena tal-ħames leġislatura ta’ dan il-Kunsill, liema Kunsill ġie elett propjament fl-10 ta’ Marzu, 2007. Din is-sena finanzjarja bdiet fl-1 t’April, 2007 u spiċċat fil-31 ta’ Marzu, 2008.

Il-Kunsill

Il-formazzjoni tal-Kunsill għal din il-ħames leġislatura huwa hekk:

Sindku – John Boxall

Viċi-Sindku – Christopher Cassar

Kunsilliera – Miriam Grech, Ivan Peresso u Judith Saliba

Matul din is-sena, l-Kunsill żamm 14-il seduta uffiċjali fejn l-attendenza tal-membri tal-Kunsill kienet tajba ħafna. Minbarra s-seduti normali l-membri tal-Kunsill attendew għal numru konsiderevoli ta’ laqgħat ma’ Ministri, Segretarji Parlamentari, Diretturi ta’ Dipartimenti Governattivi u Parastatali u entitajiet oħra, kif ukoll konferenzi barra minn Malta.

Amministrazzjoni

Ir-responsabilitajiet tal-Kunsill qegħdin dejjem jiżdiedu, x-xogħol amministrattiv qed jikber ukoll u dan jixhdu x-xogħlijiet msemmija fil-qosor f’din il-laqgħa Ġenerali Annwali.

Il-Kunsill appunta lis-Sinjorina Ritianne Bonnici bħala skrivana, dan wara t-tmiem ta’ l-impieg tal-iskrivana preċedenti. Għal faċilita taċ-ċittadini tal-Birgu, il-ħinijiet tal-ftuħ tal-uffiċċju amministrattiv qed ikun mis-7 ta’ filgħodu sal-ħamsa u nofs ta’ filgħaxija.

Matul din is-sena, l-Kunsill irċieva madwar 1364 talba għas-servizz ta’ Bulky Refuse, liema servizz, il-Kunsill qed joffrih kuljum mingħajr ebda ħlas lir-residenti. Il-Kunsill ukoll irċieva diversi ilmenti oħra dwar bozoz maħruqa fit-toroq u ħsarat oħra, problemi fis-sistema tad-drenaġġ, ħsarat fil-mains tal-ilma kif ukoll talbiet għall-għajnuna minn diversi Dipartimenti tal-Gvern fosthom mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar.

Il-Kunsill Lokali tal-Birgu flimkien mal-impjegati tiegħu qegħdin jaħdmu kontinwament sabiex itejbu l-qagħda tal-għejxien ta’ kull resident fil-lokalita` tiegħu u dan qiegħed jagħmlu billi joffri servizzi adegwati fil-parametri tal-liġi liċ-ċittadini kollha.

Indafa

It-tindif tal-lokalita ta’ din il-Belt jibqa’ dejjem waħda mill-prioritajiet ta’ dan il-Kunsill. Matul is-sena finanzjarja 2007-2008 kien hemm nefqa ta’ madwar €21,600 għat-tindif ta’ toroq, nefqa ta’ madwar €8,795 għal ġbir ta’ skart goff, kif ukoll madwar €22,130 għal ġbir ta’ skart domestiku.

Matul din is-sena ntbagħtu diversi ittri lir-residenti sabiex iħeġġuhom iżommu l-indafa fit-toroq speċjalment quddiem ir-residenza tagħhom.

Fuq talba tal-Arċipriet, Fr Joe Caruana, tal-Knisja Kolleġġjata ta’ San Lawrenz, il-Kunsill Lokali tal-Birgu, matul din is-sena għamel it-tindif kollhu u l-manutenzjoni taċ-ċimiterju ta’ dan il-lokal kull meta kien meħtieġ.

Barra minn hekk, għall-ewwel darba l-Kunsill talab lill-Brigadier tal-Forzi Armati ta’ Malta sabiex jintbagħtu suldati speċjalizzati mill-istess Armata sabiex jagħmlu tindif tas-swar li jdawwru z-zona ta’ Couvre Porte, mill-ħaxix ħażin. Din it-talba ġiet milqugħa u x-xogħol sar bejn it-12 u s-17 ta’ Lulju.

Għal darb'oħra l-Kunsill jirringrazzja u juri l-apprezzament lir-residenti tal-Birgu għall-istat ta’ indafa li qed iżommu lil din il-Belt u għal mod ta’ kif qegħdin iżejnu bil-qsari, biswit il-bibien tar-residenza tagħhom.

Toroq

Minħabba l-problema finanzjarja li qed jaffaċċja, l-Kunsill Lokali tal-Birgu ħa ħsieb sabiex it-toroq fil-lokalita jinżammu fl-aħjar stat possibbli bil-limitazzjonijiet finanzjarji tiegħu.

Matul din is-sena finanzjarja ġew irranġati bosta toroq madwar il-Birgu permezz tal-patching, kif ukoll saru tiswijiet u tindif ta’ diversi spralli tal-ilma tax-xita u kaptelli.

Il-Kunsill baqa’ jagħmel pressjoni kontinwa lill-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, sabiex isir ix-xogħol ta’ kostruzzjoni fi Triq San Lawrenz, imwiegħed mill-Onor. Jesmond Mugliett, liema xogħol fl-aħħar inbeda fix-xahar t’Awwissu, 2007. F'din it-triq, il-kuntrattur responsabbli mix-xogħlijiet iltaqa’ ma’ diversi proplemi, fosthom insemmu l-problema li l-main tad-drenaġġ li kien għaddej minn taħt it-triq kien mifqugħ u għaldaqstant kellhu jinbidel kollhu. Ix-xogħlijiet ta’ tisbiħ f’din it-triq għadhom għaddejjin sal-lum u huwa kkalkulat li jasal fi tmiemu għall-aħħar ta’ din is-sena.

Ftit tal-ġimgħat ilu, tlesta x-xogħol fit-taraġ li minn Triq l-Antika jagħti għal Triq il-Mandraġġ, fejn kawża tal-ħsarat estensivi fl-indajjen ta’ dan it-taraġ, kien qed jidħol l-ilma fir-residenza tan-nies. Kien għalhekk li l-Kunsill b’urġenza ddeċieda li jsir xogħol ta’ imprint fl-imsemmi taraġ.

Bl-għajnuna tal-Awtorita għat-Trasport, il-Kunsill ħa ħsieb sabiex isiru bankini ġodda fi Triq Dawret l-Isptar kif ukoll f’parti minn Triq San Dwardu.

Hawnhekk, ta’ min isemmi ukoll ix-xogħlijiet fit-toroq tal-lokalita tagħna li jsiru mill-ħaddiema tal-I.P.S.L. u ħaddiema mibgħuta mill-E.T.C. taħt diversi skemi li din il-korporazzjoni toffri. Dawn il-ħaddiema jieħdu ħsieb diversi xogħlijiet li jkunu meħtieġa li jsiru fil-lokalita, li jinkludu tiswijiet fuq street furniture, żebgħa tar-railings madwar il-Birgu, tindif tal-bandli u taċ-ċimiterju, qtugħ ta’ ħaxix ħażin, kif ukoll manutenzjoni tal-uffiċini tal-istess Kunsill.

Proġetti

Sfortunatament f’din is-sena, n-numru ta’ proġetti mill-Kunsill, kienu limitati minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji.

Bl-għajnuna tad-Dipartiment tal-Manutenzjoni u t-Tiswijiet tad-Djar, fuq inizjattiva w insistenza kontinwa tal-istess Kunsill, tkompla x-xogħol ta’ kostruzzjoni tal-Ġnien Pubbliku fuq Tal-Ħawli, f’area abbandunata. Fi 22 ta’ Frar, 2008, fil-preżenza ta’ Dr Carm Mifsud Bonnici, Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, ġie ffirmat il-kuntratt tad-devoluzzjoni tal-Ġnien Pubbliku fuq tal-Ħawli lill-Kunsill Lokali tal-Birgu.

Barra minn hekk, ftit tax-xhur ilu wara diversi diskussjonijiet mal-Perit Anton Camilleri, Direttur tad-Dipartiment tat-Tiswijiet tad-Djar u konsultazzjonijiet mar-residenti ta’ din iz-zona, ġie deċiż sabiex isir xi tibdil fil-proġett tal-kostruzzjoni ta’ dan il-Ġnien sabiex f’din l-area jiġu akkomodati 25 parkeġġ għar-residenti ta’ din iz-zona.

Il-Kunsill Lokali tal-Birgu, bl-għajnuna ta’ bosta entitajiet governattivi u privati kompla jaħdem fuq il-proġett tal-upgrading tat-tindif u t-tisbieħ ta’ Ġnien il-Kunsill, jew kif inhu magħruf bħala l-Foss. Bl-għajnuna tat-34U Campaign ġew miżrugħa diversi siġar taż-żebbuġ kemm mit-tfal tal-iskola Primarja Santu Rokku, kif ukoll mill-bank Malti, Bank of Valletta. Għal darb’oħra l-aħwa Roderick u Clive Bustuttil, bil-kollaborazzjoni tal-istess Kunsill organizzaw wirja ta’ statwi life-size, ‘Iesus Nazarenus’, għal żmien il-Ġimgħa Mqaddsa fi Ġnien il-Kunsill.

Fix-xahar ta’ Jannar, il-Kunsill Lokali tal-Birgu, bl-għajnuna tal-kumpanija Alliance Group Ltd. (AGL) u l-ħaddiema assenjati mal-istess Kunsill, għamel xogħol ta’ manutenzjoni fil-bandli tal-Birgu li jinsab fi Triq San Dwardu, fejn Café Riche. Il-Kunsill barra li għamel xogħol ta’ manutenzjoni u żebgħa, ħaseb sabiex ibiddel is-seats tal-bandli sabiex dan il-post ta’ rikreazzjoni ikun skond ir-regolamenti tas-saħħa u sigurta tal-Unjoni Ewropea.

Matul din is-sena, l-Kunsill ħaseb sabiex jiġi nstallat aktar dawl adekwat fi Triq it-Torri ta’ San Ġwann, fejn twaħħlu tliet fanali ġodda.

Bl-għajnuna tal-Awtorita Maltija għat-Turiżmu, l-Kunsill Lokali tal-Birgu nstalla railing ornamentali tal-ħadid f’żewġ postijiet fil-Birgu, fuq parti mis-sur tal-Posta ta’ Kastilja fil-post magħruf aħjar bħala s-Sur tal-Ħut u fil-Posta ta’ Franza, fl-area ta’ Couvre Porte.

Fl-aħħar ġimgħat li għaddew, il-Kunsill Lokali tal-Birgu għamel xogħol estensiv ta’ manutenzjoni, sabiex iżid il-faċilitajiet ta’ Gallerija Couvre Porte sabiex din il-gallerija ma tibdix tintuża biss għal esebizzjonijiet, iżda tintuża bħala kamra għall-konferenzi kif ukoll fiha jistgħu jsiru riċevimenti. F’din il-Gallerija saru diversi xogħlijiet, fosthom inbidlet is-sistema tad-dawl kollha kif ukoll twaqqa’ ħajt diviżorju sabiex issa din il-gallerija ġiet fl-istat oriġinali tagħha. Barra minn hekk, fil-kamra ma’ ġenb il-Gallerija Couvre Porte, il-Kunsill ħaseb sabiex jagħmel kamra ċkejkna biex tibda tintuża bħala kċina u store waqt l-attivitajiet konċernati.

Il-proġett tal-bini mill-ġdid tat-Torri tal-Arloġġ u l-proġett tal-pavimentar tal-Pjazza, għalkemm ġie approvat mill-MEPA, sal-lum il-Kunsill għad m’għandux id-data eżatta meta ser jinbdew ix-xogħlijiet konċernati. Il-Kunsill jemmen li dan il-proġett ser irendi xogħol u kummerċ fil-lokalita tal-Birgu.

Agrikoltura

Il-Kumpanija Environmental Landscape Consortium bi ftehim u kuntratt mal-Kunsill Lokali tal-Birgu għandha f’idejha s-settur agrikolu ta’ din il-lokalita. Din il-kumpanija għandha bniedem assenjat mal-Kunsill fuq bażi permanenti. L-ispiża għal dan is-servizz hija ta’ €11,646.86 fis-sena. Fost diversi xogħlijiet li jsir minn din il-persuna nsibu żbir ta’ siġar, tindif, ħrit u tisqija tas-soft areas u qsari li jinsabu f’postijiet differenti fil-lokalita. Barra minn hekk, il-Kunsill bl-għajnuna ta’ din il-kumpanija naddaf u sebbaħ area abbandunata li tinstab fi Triq San Dwardu kantuniera ma’ Triq Dawret l-Isptar.

Minbarra f’hekk, il-Kunsill xtara diversi pjanti u fjuri għal madwar it-toroq tal-Birgu sabiex jagħtu dehra isbaħ lil bosta toroq fil-lokalita. In-nefqa totali din is-sena għal dawn il-pjanti u fjuri kienet ta’ €430.

Bħal kull sena, l-Kunsill ħa ħsieb sabiex isir iż-żbir u t-tindif neċessarju ta’ Ġnien il-Kunsill, magħruf aħjar bħala l-Foss.

Bħala parti mill-Kampanja 34U, fil-5 ta’ Ġunju, 2007, il-Jum Dinji tal-Ambjent, il-Kunsill Lokali tal-Birgu stieden lit-tfal tal-iskola Primarja Santu Rokku sabiex jiżirgħu siġar taż-żebbuġ f’dan il-ġnien. Barra minn hekk, bħala parti mill-istess kampanja fit-30 t’Awwissu tal-istess sena, ħaddiema u l-Branch Manager tal-Bank of Valletta żergħu siġar taż-żebbuġ fl-istess Ġnien.

Hawnhekk nieħu l-opportunita sabiex nappella lill-pubbliku kollhu sabiex japprezza x-xogħol li jsir u l-flus li kontinwament jintefqu u jkunu responsabbli biżżejjed.

Traffiku

Din is-sena l-Kunsill għamel diversi studji biex l-immaniġġjar tat-traffiku fil-lokalita jitjieb. F’din is-sena l-Kunsill Lokali tal-Birgu kompla bid-diskussjonijiet mal-awtoritajiet konċernati sabiex tinstab soluzzjoni għall-problema ta’ parkeġġ li nħolqot f’dan l-aħħar snin.

Fil-fatt, wara li l-Kunsill għamel survey ta’ kemm-il karozzi hawn fil-Birgu, fix-xahar ta’ Ottubru ġiet introdotta s-sistema ta’ parkeġġ awtorizzat lir-residenti tal-Birgu. Kull persuna li rreġistrat il-vettura tagħha ġiet mitluba tiġbor il-permess awtorizzat relatat mal-vettura tagħha. F’toroq konċernati bejn it-8 ta’ filgħodu u l-5 ta’ filgħaxija, il-parkeġġ fil-Birgu jkun miftuħ għal kulħadd, anke għal viżitaturi, iżda wara l-5 ta’ filgħaxija, persuni mingħajr il-permess awtorizzat jkunu jistgħu jipparkjaw għal sagħtejn u nofs, bl-arloġġ.

Bil-għan lis-sistema u r-regolamenti tat-traffiku jiġu mħarsa u kkontrolati aħjar, il-Kunsill ħa ħsieb li jsiru tabelli adegwati, kif ukoll saret manutenzjoni fuq dawk eżistenti. Il-Kunsill permezz tal-Koperattiva tat-Tabelli u Sinjali ħa ħsieb li jiżbogħ mill-ġdid is-sinjali tat-traffiku madwar il-Birgu.

Il-lokalita tal-Birgu tagħmel parti mill-Kumitat Konġunt tal-Gwardjani Lokali tal-Fgura. Il-Kunsill kien preżenti għal bosta laqgħat ta’ dan il-kumitat, fejn fihom ġew diskussi l-problemi fis-servizz provdut mill-gwardjani lokali, kif ukoll ġew mgħoddija suġġerimenti, kif dan is-servizz jista’ jitjieb. Din is-sena l-Kunsill nefaq l-ammont sostanzjali ta’ €28,020 għas-servizzi tal-gwardjani lokali iżda minn ammont proviżorju daħħal €33,845.

Anzjani

F’din is-sena finanzjarja, l-Kunsill organizza diversi attivitajiet għall-anzjani ta’ din il-lokalita, u dawn dejjem kellhom attendenza numeruża.

Fit-8 ta’ Ġunju, l-Kunsill Lokali tal-Birgu organizza ħarġa kulturali għall-anzjani ta’ din il-lokalita sal-gżira t’Għawdex. L-anzjani żaru l-Belt Kapitali ta’ din il-gżira, r-Rabat, fejn ġew ukoll milqugħa mis-Sindku ta’ din il-Belt. Il-grupp mar ukoll sal-villaġġ tax-Xagħra, fejn l-anzjani żaru t-tempji megalitiċi tal-Ġgantija, kif ukoll żaru r-raħal tax-Xewkija.

Bħala parti mill-attivitajiet konċernati miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Birgu, ġiet organizzata ħarġa kulturali għall-anzjani ġewwa ż-Żurrieq, fejn l-anzjani żaru l-Mitħna tax-Xarolla, kif ukoll siti kulturali oħra ġewwa ż-Żurrieq. Barra minn hekk, ġew imqassma wkoll rigali lil dawk l-anzjani Vittoriosani li ma jistgħux joħorġu mid-dar.

Għal darb’oħra, l-Kunsill Lokali bl-għajnuna tas-sezzjoni Caritas fil-Birgu organizza riċeviment għall-anzjani tal-lokalita għal żmien il-Milied. Waqt din l-attivita, kull anzjan ingħata rigal ċkejken u ġie mistieden il-kantant Aldo Busuttil sabiex jagħmel kumpanija lil dawn l-anzjani.

Bħas-snin preċedenti ġie provdut is-servizz ta’ tilqim kontra l-influwenza għall-anzjani kollha ta’ din il-lokalita. Dan is-servizz ġie provdut ukoll fid-djar ta’ dawk l-anzjani li ma joħorgux minn djarhom.

Edukazzjoni

Matul din is-sena, l-Kunsill Lokali tal-Birgu, kompla jaħdem fil-qasam edukattiv, qasam li minn dejjem kien għal qalb il-Kunsill. Matul din is-sena ġew esplorati oqsma edukattivi b’permezz ta’ diversi attivitajiet li ttellgħu mill-Kunsill u f’bosta drabi b’ħidma diretta ma’ l-iskejjel u entitajiet edukattivi.

Il-Kunsill kompla jaħdem id f’id mal-iskejjel kollha li hawn f’din il-lokalita, fejn seta' jifhem aħjar il-problemi li jiltaqgħu magħhom il-kapijiet tal-iskejjel, l-għalliema u l-ġenituri.

Il-Kunsill Lokali tal-Birgu jemmen li jrid jinvesti iktar fl-edukazzjoni tat-tfal għax huma l-ġejjieni tal-futur. Il-Kunsill ta importanza kbira lil-Librerija Reġjonali li tinsab fil-Berġa tal-Ingilterra, fejn investa bis-sħiħ sabiex din il-Librerija tkun waħda mill-aħjar libreriji. Matul din is-sena l-Kunsill irranġa żewġ swali ta’ din il-librerija, fejn għamel xogħlijiet ta’ manutenzjoni. Barra minn hekk, talab lill-Bank lokali HSBC sabiex tingħata donazzjoni ta’ €2,329.37, ekwivalenti għal elf Lira Maltija sabiex jiġu nvestiti fil-Librerija Reġjonali taghna, biex isir xkaffar ġdid ta’ waħda mill-kmamar, bdil ta’ bibien, kif ukoll madum ġdid. Il-Kunsill reġa’ talab sabiex fl-imsemmija Librerija tiġi ntrodotta s-sistema kompjuterizzata. B’kollox din is-sena l-Kunsill nefaq €3,329.37 fil-Librerija Reġjonali fejn minn dan l-ammont nefaq €1,318 f’kotba. F’bosta okkażjonijiet, il-Kunsill ta diversi donazzjonijiet ta’ kotba għal Jum il-Premjazzjoni lil diversi skejjel tal-istat fejn tfal mill-lokalita tal-Birgu ddistingwew ruħhom fl-eżamijiet kif ukoll, kotba għal-libreriji tal-iskejjel tal-lokal.

Bejn il-21 u l-25 ta’ Mejju, 2007, l-Kulleġġ tal-Kottonera flimkien mas-science team fi ħdan id-diviżjoni tal-edukazzjoni bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Birgu organizzaw ġimgħa mżewqa b’attivitajiet edukattivi, msejħa “Science Meets History”. F’din l-attivita studenti tas-Sitt Sena, flimkien mal-istudenti tal-Form 1 tal-iskejjel tal-Kottonera għamlu diversi esperimenti xjentifiċi madwar il-Belt Vittoriosa.

Fil-25 t’April, il-Kunsill bil-kollaborazzjoni tal-Merlin Library ippreżenta sett ta’ kotba “Il-Ktieb Teżor” lit-tfal kollha tal-kindergarten tal-Iskola Primarja Santu Rokku.

Il-Kunsill qed jaħdem bi sħiħ biex jgħolli l-livell edukattiv fil-Birgu u jħeġġeġ lill-ġenituri kollha sabiex jgħinu lil uliedhom jiksbu l-edukazzjoni meħtieġa.

Żgħażagħ

F’din il-leġislatura ġie mwaqqaf is-sotto kumitat taż-żgħażagħ immexxi mill-Kunsillier Ivan Peresso u magħmul minn tliet membri. L-għan ta’ dan is-sotto kumitat huwa li jgħinu liż-żgħażagħ fil-problemi kollha li jiltaqgħu magħhom fiż-żgħożija tagħhom.

Għat-tielet sena konsekuttiva, l-Kunsill reġa’ ta l-għajnuna meħtieġa lill-aħwa Clive u Roderick Busuttil sabiex tittella’ wirja ta’ statwi ‘lifesize’ fil-Ġimgħa Mqaddsa, fil-post magħruf bħala l-Foss u f’Gallerija Couvre Porte.

Fix-xahar ta’ Lulju, 2007, eżattament bejn is-27 u d-29 ta’ Lulju, 2007, il-Kunsill Lokali tal-Birgu flimkien mal-grupp żgħażugħ “Square Wheels Entertainment” organizzaw attivita teatrali u kulturali bl-isem ta’ ‘Vittoriosa all’Opera. Il-grupp ta’ żgħażagħ jħaddan fih madwar 95 żgħażugħ ta’ bejn il-15 u t-30 sena, organizzaw spettaklu maqsum fuq tlett ijiem fil-Posta ta’ Franza, fl-area ta’ Couvre Porte.

Il-Kunsill qed jinkoraġġixxi lil dan il-grupp żgħażugħ sabiex ikompli jorganizza dawn l-attivitajiet teatrali, fil-fatt fit-22 ta’ Mejju, 2008, il-Kunsill flimkien mal-grupp “Square Wheel Entertainment” fi ħdan il-Fondazzjoni Anna Lindh ser ittella’ attivita fuq it-tema ta’ intercultural dialogue.

Bejn l-20 u t-28 t’April, 2008, bagħat grupp ta’ żgħażagħ sabiex jirrapreżentaw lill-Belt tal-Birgu f’attivita nazzjonali li saret f’Casorate Sempione fl-Italja, liema belt qed isiru l-preparamenti meħtieġa sabiex isir ġemellaġġ bejn il-Belt tal-Birgu u Casorate Sempione. Waqt din l-attivita, ż-żgħażagħ ser jakkumpanjaw żgħażagħ u adulti oħrajn fejn ittraduwċu mil-lingwa Taljana għal-lingwa Ingliza, kif ukoll kellhom l-opportunita li jqassmu materjal informattiv fuq il-gżejjer Maltin u fuq il-Belt tal-Birgu.

Il-Kunsill Lokali tal-Birgu qiegħed ikompli jinkoraġġixxi liż-żgħażagħ kollha sabiex jaħdmu għal beneffiċju ta’ din il-lokalita.

Wirt Storiku

Il-Birgu huwa wieħed mill-Ibliet f’Malta miżgħud b’wirt storiku, fejn kull ġebla għandha l-istorja tagħha. Sfortunatament din ir-responsabilta ma’ taqax taħt ir-responsabilta tal-Kunsill, iżda hija responsabilta tal-Gvern Ċentrali. Għalkemm il-Kunsill m’għandux fondi biżżejjed biex jieħu ħsieb dan il-qasam, xorta waħda għamel l-għalmu tiegħu sabiex jieħu ħsieb li jipproteġi u jippromovi dan il-wirt.

Il-Kunsill Lokali tal-Birgu jaħdem sabiex javvanza fit-teknoloġija moderna biex jippromovi l-wirt ta’ din il-Belt. L-istess Kunsill, kien ilu jaħdem għal bosta snin mal-kumpanija lokali ‘Cultel’ sabiex jiġi mnehdi gwida elettronika MP3 dwar il-Belt tal-Birgu li żgur ser tgħin lil dak it-turist li ser jiġi fil-Belt Marittima tal-Birgu u barra minn hekk hija għodda utli għal dawk l-istudenti li jixtiequ jiskopru l-għeruq ta’ din il-Belt.

Barra minn hekk, f’din is-sena l-Kunsill inawgura gwida interrativa fuq CD li għandha iktar minn 75 minuta narrazzjoni b’ħames lingwi differenti, li huma l-Malti, l-Ingliż, Taljan, Ġermaniż u Spanjol, flimkien ma’ għażla ta’ ritratti tal-Belt tal-Birgu.

Minbarra l-Wirt Storiku ta’ din il-Belt, il-Kunsill ħadem ukoll sabiex jippromovi l-wirt kulturali tal-Birgu. Waħda mit-tradizzjonijiet ewlenin kemm f’Malta, kif ukoll fil-Birgu, hija l-wirjiet ta’ statwetti u ċeni matul il-Ġimgħa Mqaddsa. Kien għalhekk li l-Kunsill ħaseb sabiex jipproduċi mappa informattiva dwar il-wirjiet kollha li jkun hawn fil-Birgu f’dawn iż-żminijiet.

Matul din is-sena l-Kunsill kompla jaġġorna l-website tal-lokalita kemm biex jagħti informazzjoni rigward attivitajiet organizzati mill-istess Kunsill, kif ukoll sabiex jippromovi l-Birgu.

Attivitajiet

Għalkemm il-finanzi tal-Kunsill kienu limitati, matul din is-sena l-Kunsill organizza diversi attivitajiet kulturali sabiex iżomm il-Belt majestuża tal-Birgu ħajja.

Għal dawn l-aħħar snin Citta Vittoriosa tikkommemora Jum il-Birgu fis-7 ta’ Settembru. L-aktar attivitajiet prominenti kienu dawk organizzati għal Jum il-Birgu li ġew imtella’ bejn il-Ħadd 2 u l-Ġimgħa 7 ta’ Settembru 2007. Il-Kunsill biex jiċċelebra dan il-Jum prestiġjuż organizza ġimgħa mżewqa b’attivitajiet li jolqtu l-gosti ta’ kulħadd.

Il-Ħadd 2 ta’ Settembru, 2007, ġiet ikkonċelebrata quddiesa ta’ Radd il-Ħajr, fil-Knisja Konventwali ta’ San Lawrenz, fejn ħadu sehem l-Arċipriet u l-Kapitlu tal-Knisja tal-Kolleġġjata ta’ San Lawrenz, flimkien mal-Pirjol u l-patrijiet tal-Komunita Dumnikana tal-Birgu.

Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Birgu, ta donazzjoni ta’ kotba lil-Librerija Reġjonali. Għal din l-okkażjoni l-Kunsill stieden lit-tfal li regolarment iżuru din il-librerija u wara l-preżentazzjoni, l-Kunsill għamel festin ċkejken għal dawn it-tfal fejn ukoll ingħataw ktieb fuq is-sinjali indikattivi li hawn fil-Birgu in konnessjoni mall-proġett “Signs in the City”. It-Tlieta 4 ta’ Settembru, l-Kunsill Lokali tal-Birgu bil-kollaborazzjoni tal-Malta Chess Federation organizza simultaneous chess exhibition f’Gallerija Couvre Porte. Matul din il-ġimgħa ġiet organizzata wkoll ħarġa għall-anzjani kollha tal-Birgu fejn żaru l-lokalita taż-Żurrieq. Iżda bħal kull sena l-attivitajiet laħqu l-qofol tagħhom il-Ġimgħa 7 ta’ Settembru, f’Jum il-Birgu. Għas-sena 2007, ir-rebbieħ tal-Premju “Ġieh Jum il-Birgu 2007” kien l-istoriku, s-Sur Lorenzo Zahra.

Fil-21 ta’ Settembru, 2007 il-Kunsill Lokali tal-Birgu laqa’ għat-tieni darba lil Malta Photographic Society fil-Birgu għall-attivita fotografika annwali ta’ din is-soċjeta. F’din l-attivita ħadu sehem madwar 95 fotografu ta’ din is-soċjeta fejn kellhom l-opportunita jieħdu ritratti ta’ re-renactors u mudelli, f’diversi postijiet storiċi li jinsabu f’Malta.

Attivita kulturali oħra, kienet il-festival tal-litteratura Maltija u Meditteranja li ġiet organizzata mill-Inizjamed bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Birgu, f’Couvre Porte bejn id-29 u t-30 ta’ Settembru, bil-parteċipazzjoni ta’ kittieba minn Malta, l-Alġerija, Spanja, Ingilterra, Italja, Turkija u Palestina.

Fit-12 t’Ottubru, 2007, ġiet organizzata attivita mill-Awtorita Maltija għat-Turiżmu, bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Birgu, “Birgu By Candlelight”, fejn għal darb’oħra ntefa' d-dawl tal-parti l-antika tal-Birgu u t-toroq kollha ġew mixgħula b’xemgħat. It-tema ta’ din is-sena kienet it-Tieni Gwerra Dinija fil-Birgu.

Attivita fuq skala nazzjonali oħra, ġiet organizzata fit-22 ta’ Diċembru, 2007, mill-Awtorita Maltija għat-Turiżmu bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Birgu, l-attivita "Carols by Christmas Lights". Għal darb’oħra għal din l-attivita ntefa' d-dawl tal-parti l-antika tal-Birgu u t-toroq kollha ġew mixgħula kemm b’xemgħat kif ukoll b’dawl dekorattiv tal-Milied. Barra minn hekk, għal din l-attivita kien hemm diversi kunċerti ta’ korijiet fi tlett iknejjes tal-Birgu, kif ukoll kunċert f’Misraħ ir-Rebħa u kull min ġie għal din l-attivita kellhu l-opportunita li jduq l-ikel tipiku Malti ta’ żmien il-Milied.

Fit-22 t’Ottubru, l-Kunsill Lokali tal-Birgu b’kollaborazzjoni mal-Old Motors Club organizzaw wirja ta’ karozzi klassiċi u antiki f’Misraħ ir-Rebħa, liema karozzi ħadu sehem fil-‘Grand Prix De Malte Vintage Cars’ li sar ftit tal-jiem wara f’Malta.

Din is-sena l-Belt tal-Birgu, kienet magħżula sabiex fiha jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji tal-Ikel bit-tema “Id-dritt għal Ikel”. Din l-attivita li ġiet organizzata mill-Ministeru għall-Ambjent u l-Affarijiet Rurali bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Birgu, saret l-Ħadd 28 t’Ottubru. Għal din l-attivita ġiet organizzata esebizzjoni ta’ frott, ħxejjex u ħut f’Misraħ ir-Rebħa, kif ukoll, kunċert mill-banda tal-armata u diversi attivitajiet oħra.

Barra minn hekk, din is-sena ġie magħżul il-Birgu ukoll, sabiex fl-1 ta’ Novembru, 2007, isir il-ftuħ uffiċjali tal-Festival Internazzjonali tal-Korijiet.

Il-Kunsill Lokali tal-Birgu bil-kollaborazzjoni tal-Għaqda Mużikali San Lawrenz organizza kompetizzjoni tal-isnooker fil-każin ta’ din l-għaqda.

B’kollaborazzjoni ma’ FrannyJo Publications, ittella’ Festival Letterarju biex jiġi mfakkar il-Jum Internazzjonali tal-Lingwa Nazzjonali. F’dan il-Fesitval, studenti bejn is-6 u s-16-il sena qraw poeżiji min uħud mill-poeti kbar Maltin tal-passat. Barra minn hekk, ġiet imtella’ wkoll Lejla Letterarja fil-Birgu mill-Għaqda Letterarja Maltija u bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Birgu.

L-infiq totali għall-attivitajiet li ttellgħu mill-Kunsill kienu ta’ €6,480.

Proġetti fi ħdan l-Unjoni Ewropea

A. AVEC u Qualicities

Fis-sena 2004, il-Kunsill Lokali tal-Birgu ssieħeb fl-assoċċjazzjoni internazzjonali AVEC, “Alliance Des Villes Europeannes Culturale”, li tfisser Alleanza ta’ Bliet Kulturali Ewropej. Din l-assoċċjazzjoni tħaddan fiha erbgħin belt u raħal minn 12-il pajjiż differenti mill-Ewropea kollha. L-assoċċjazzjoni AVEC fuq livell komunitarju toffri fragment privileġġat fuq aspetti umani, tekniċi u ko-operazzjoni ma’ komunitajiet sabiex jaqsmu ideat u objettivi komuni għall-iżvilupp sostenibbli bbażat fuq il-valorizzazzjoni tal-kultura u l-ambjent storiku.

Il-Kunsill Lokali tal-Birgu huwa membru attiv ta’ din l-assoċċjazzjoni, fil-fatt, fil-konferenza ġenerali li saret f’Tours fi Franza, bejn il-15 u t-18 ta’ Marzu, 2007, is-Sindku, s-Sur John Boxall, wara li reġa’ ġie nnominat mill-President, b’vot unanimu għat-tieni sena konsekuttiva reġa’ ġie elett bħala Viċi President ta’ din l-Assoċċjazzjoni fil-bord eżekuttiv tal-istess assoċċjazzjoni.

Barra minn hekk, din is-sena għall-ewwel darba, l-Assoċċjazzjoni AVEC organizzat f’Malta, preċiżament fil-Birgu, il-Kunsill Amministrattiv tagħha. Il-Kunsill Lokali tal-Birgu, id f’id mal-Awtorita Maltija għat-Turiżmu u VisitMalta, laqa' fil-Belt glorjuża tiegħu lill-membri tal-Kunsill Amministrattiv tal-Assoċjazzjoni AVEC bejn it-12 u t-13 t’Ottubru, 2007, f’Gallerija Couvre Porte, fil-Bini Amministrattiv tal-istess Kunsill. Id-delegati barra li raw u daqu x’joffru l-Gżejjer Maltin u l-Belt tal-Birgu kellhom l-opportunita li jkunu preżenti wkoll waqt l-attivita fuq skala nazzjonali tal-‘Birgu By Candlelight’, fejn raw il-potenzjal tal-Kunsill flimkien mar-residenti sabiex tiġi organizzata attivita fuq din l-iskala.

L-Assoċjazzjoni AVEC tgħin ħafna lill-Kunsill Lokali tal-Birgu fi ħdan l-Unjoni Ewropea, infatti minn din l-assoċjazzjoni fl-2005, il-Kunsill ġie mistieden sabiex jipparteċipa bħala osservatur fi proġett, taħt il-kappa tal-proġetti Interreg IIIC, il-proġett ‘Qualicities’. F’dan il-proġett, il-Kunsill bl-għajnuna tal-Ibliet u l-esperjenzi tal-pajjiżi membri ħadem sabiex jirċievi l-unur ta’ Qualicities, Belt ta’ Kwalita.

Fil-fatt, il-Kunsill fi ħdan dan il-proġett waqqaf sotto-kumitat, magħmul minn membri differenti tal-komunita li jinkludu, l-E.T. Fra John Edward Critien, Kavallier residenti, s-Sur Lino Bugeja, storiku, s-Sinjura Victoria Butters, għalliema, s-Sur Mario Farrugia, Chairman Fondazzjoni Wirt Artna, s-Sur Jesmond Xuereb, CEO Fondazzjoni Temi Zammit, s-Sindku u s-Segretarja Eżekuttiva. Dan il-proġett huwa mfassal biex jgħin liċ-ċittadini jipproteġu l-Wirt Storiku li jsibu fil-lokal tagħhom.

Il-Ġimgħa 19 ta’ Novembru, 2007, fil-Belt ta’ Pecs, fl-Ungerija, il-Belt tal-Birgu ġiet iċċertifikata u mgħotija l-unur ta’ Belt ta’ Kwalita, “QUALICITIES”, wara l-parteċipazzjoni tiegħu fl-imsemmi proġett, liema proġett huwa parti ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea. Il-Kunsill Lokali tal-Birgu, bil-limitazzjonijiet kollha tiegħu rnexxielu jikseb dan it-titlu prestiġjuż. Ta’ min isemmi wkoll, li f’dan il-proġett il-Kunsill Lokali tal-Birgu kien biss osservatur, iżda minn 16-il pajjiż parteċipant f’dan il-proġett, 5 ibliet biss irnexxilhom jiksbu dan l-unur li kienu, l-Belt ta’ Anderlecht fil-Belġju, il-Belt ta’ Evora fil-Portugall, l-ibliet ta’ Arles u Vienne fi Franza u l-Belt tal-Birgu f’Malta.

Dan l-unur ġie mgħoti wara li l-Kunsill ippreżenta rapport tax-xogħol li kien sar fil-lokalita f’dawn l-aħħar snin, iżda barra minn hekk ġie mibgħut awditur barrani mill-Unjoni Ewropea sabiex jeżamina x-xogħol li għamel il-Kunsill sabiex itejjeb il-kwalita ta’ ħajja fil-lokalita, kif ukoll isaħħaħ it-turiżmu fil-lokalita.

Dan l-unur ifisser ħafna għall-Kunsill Lokali tal-Birgu, kif ukoll għalikom ir-residenti li bl-għajnuna tagħkom, il-Kunsill rebaħ dan il-premju, deskritt mill-Kunsill bħala l-konsegwenza tax-xogħol kollettiv li sar f’dawn l-aħħar snin.

Bi sħubija fl-Assoċjazzjoni AVEC, il-Kunsill Lokali tal-Birgu għamel diversi kuntatii oħra, u barra l-istedina sabiex ikun parti mill-proġett ‘Qualicities', irċieva bosta stediniet sabiex jipparteċipa fi proġetti oħra, fi ħdan din l-assoċjazzjoni. Fosthom insemmu l-istedina mill-Belt ta’ Evora fil-Portugall sabiex il-Kunsill Lokali tal-Birgu jkun sħab fil-proġett Cultura 2007, proġett ieħor iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea.

Barra minn hekk, l-istess Kunsill ġie mistieden mill-Kunsill tal-Belt ta’ Anderlecht fil-Belġju sabiex ikun sħab fil-kontinwazzjoni tal-proġett ‘Qualicities’, il-proġett ‘Qualicities4all’. Dan il-proġett, iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea huwa proġett taħt is-sejħa tal-URBACT.

Matul din is-sena, l-Assoċjazzjoni AVEC stiednet lill-Kunsill Lokali tal-Birgu sabiex jipparteċipa f’konferenza dwar “Waste management control” u l-Kunsill hawnhekk, unanimament iddeċieda sabiex jibgħat lis-Sur Christopher Camilleri, iben din il-belt, studjuż f’dan il-qasam, sabiex ikun hu r-rappreżentant ta’ Citta Vittoriosa.

Barra minn hekk, il-Kunsill Lokali tal-Birgu għal darb’oħra ġie mistieden minn din l-assoċjazzjoni sabiex jipparteċipa fil-konferenza “Learn History to understand and live today cultural diversity”. B’vot unanimu l-Kunsill iddeċieda sabiex f’din il-konferenza jiġi rrappreżentat mill-Eċċellenza Tiegħu Fra John Critien, Kavallier Residenti fil-Forti Sant’Anġlu u membru ukoll fil-kumitat lokali Qualicities.

B. Il-Proġett MedCOAST.NET

Fil-qasam ta’ proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea, l-Kunsill Lokali tal-Birgu qed jaħdem id f’id mal-Fondazzjoni Temi Zammit, aġenzija li taħdem u tiffoka sabiex iġġib fondi mill-Unjoni Ewropea. Fil-fatt f’Mejju tal-2007, il-Kunsill ġie nfurmat bl-approvazzjoni tal-proġett “MedCOAST.net” – Mediterranean Co-operation for on-shore accessibility and sustainability themes: Network for managing urban coastal areas”. Il-finanzjament għal dan il-proġett, allokat għall-Kunsill Lokali tal-Birgu, huwa ta’ €52,000. Fil-proġett MedCOAST.net, il-Kunsill Lokali tal-Birgu huwa wieħed mis-7 membri msieħba fejn issib tlett ibliet minn tliet pajjiżi differenti, bil-belt ta’ Agria fil-Greċja, il-leader ta’ dan il-proġett.

F’dan il-proġett il-Kunsill ried jaħdem fuq proġett madwar il-kosta tal-Birgu, kien għalhekk li unanimament ġie deċiż sabiex isir tisbiħ taz-zona magħrufa bħala l-Mandraġġ. Barra minn hekk, fuq dan il-proġett qed isiru fuq il-kunċett tal-EMAS. Kif wieħed jista’ jinnota dan il-proġett ta’ tisbiħ inbeda, fejn qed isir xogħol ta’ tikħil, stallazzjoni ta’ fanali u dawl, żebgħa tar-railing tal-ħadid, kif ukoll bdil ta’ kolonni mill-ġdid bil-ġebla tal-franka.

Dan il-proġett jirrikjedi ħafna xogħol u preparamenti, fil-fatt bejn it-8 u l-11 ta’ Mejju, l-Kunsill ser jilqa’ lid-delegazzjoni ta’ dan il-proġett, għall-konferenza li ser issir fil-bini Amministratti tal-Kunsill Lokali Birgu, eżattament f’Couvre Porte. Dan il-proġett jasal fi tmiemu f’Lulju tal-2008, fejn il-pajjiżi membri ser jiltaqgħu għall-aħħar darba f’Agria, l-Greċja.

Bil-kuntatti magħmula mill-proġett MedCOAST.net, il-Kunsill Lokali tal-Birgu ġie mistieden sabiex jissieħeb mal-bliet ta’ Amaroussion fil-Greċja, Pafos f’Ċipru, Ravenna fl-Italja u Murcia fi Spanja, fl-applikazzjoni għal proġett fi ħdan l-Unjoni Ewropea taħt is-sejħa tal-proġetti URBACT.

C. Proġett “Signs in the City”

Il-proġett ‘Signs in the City’, proġett iffinanzjat mill-programm LINGUA fi ħdan id-Direttorat Ġenerali tal-Edukazzjoni u l-Kultura tal-Kummissjoni Ewropea, jirrigwardja s-sinjali ndikattivi u l-lingwa.

F’dan il-proġett, il-Kunsill Lokali tal-Birgu ħadem mal-Kunsilli ta’ Dobrich fil-Bulgarija, Nafplio fil-Greċja, Gdansk ġewwa l-Polonja, u Alcala de Henares fi Spanja sabiex jipproduċi materjal biex kull belt tippromwovi l-lingwa tal-pajjiż rispettiv, kif ukoll il-lokalita. Fil-fatt għal dan il-proġett kull Kunsill kellhu jipprepara:

· ‘Signs in the City’ phrasebook

· Sit elettroniku ta’ ‘Signs in the City’

· Kif ukoll cd-rom interattiva

Bħalissa l-istess Kunsill għadu kemm ġie mistieden sabiex jissieħeb fit-tieni parti ta’ dan il-proġett, liema invit il-Kunsill laqa' u approva unanimament.

D. Anna Lindh Foundation

Il-Kunsill Lokali tal-Birgu jaħdem għal benefiċċju għaż-żgħażagħ tal-Birgu, fil-fatt flimkien mal-Fondazzjoni Temi Zammit, ħadem sabiex japplika għall-proġett fuq skala żgħira fi ħdan il-Fondazzjoni Anna Lindh.

Għaldaqstant fit-22 ta’ Mejju, 2008, ser tittella’ attivita fl-area ta’ Couvre Porte bil-kollaborazzjoni tal-grupp ‘Square Wheels Entertainment’ fuq it-tema ta’ Intercultural Dialogue. Din l-attivita ċkejkna barra li ser issaħħaħ il-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Birgu fi proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea, ser tgħin lil din l-għaqda żgħażugħa għal promozzjoni tal-grupp u tat-talent tagħhom.

E. Ġemellaġġi

Il-Kunsill Lokali tal-Birgu bl-għajnuna tal-iskola edukattiva Future Focus, bdiet il-preparamenti meħtieġa sabiex isir ġemellaġġ mar-raħal ta’ Casorate Sempione, raħal viċin Milan fl-Italja.

Fil-fatt bejn l-20 u t-28 t’April, il-Kunsill Lokali tal-Birgu bagħat grupp ta’ żgħażagħ ġewwa Casorate Sempione sabiex jirrapreżentaw lill-Belt tal-Birgu f’attivita nazzjonali li tittella’ f’dan ir-raħal.

L-iskop ta’ dan il-ġemellaġġ huwa primarjament li żewġt ibliet b’kulturi kompletament differenti jitħalltu u jaqsmu l-esperjenzi vasti tagħhom.

L-opportunitajiet li toffri l-Unjoni Ewropea huma vasti ħafna, iżda l-Kunsill Lokali tal-Birgu bl-għajnuna partikolari tal-Fondazzjoni Temi Zammit qed jaħdem u jistinka kemm jiflaħ sabiex bil-limitazzjonijiet kollha tiegħu jerbaħ jew jipparteċipa fi proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea, speċjalment f’dawk il-proġetti li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għaż-żgħażagħ tal-Birgu.

Fil-fatt bl-għajnuna tal-Fondazzjoni Temi Zammit, il-Kunsill tefa’ applikazzjoni għal fondi strutturali fejn il-Kunsill applika għall-proġett ta’ pavimentar tal-area kollha tal-Collacchio, liema xogħol minn studji preliminari huwa estimat li jaqbeż il-€1,800,000.

Finanzi

Iktar tard, ser jinqara r-Rapport Finanzjarju tas-sena li għaddiet.

Konklużjoni

Minn dan ir-rapport stajna naraw fil-qosor il-ħidma bla waqfien mill-Kunsill Lokali tal-Birgu, fejn tajna ħarsa lejn l-impenn li l-Kunsilliera wrew matul il-perjodu li għadda, taħt id-direzzjoni tas-Sindku, s-Sur John Boxall.

F’dan ir-rapport, tajna ħarsa lejn uħud mix-xogħlijiet li saru matul din is-sena, u deher ċar li l-Kunsill kien impenjat ħafna, b’mod partikolari fix-xogħlijiet tat-toroq, bankini, attivitajiet soċjali u kulturali, żamma tal-Indafa Pubblika, kif ukoll restawr tal-Wirt Storiku ta’ pajjiżna u l-edukazzjoni taċ-ċittadini tal-lokalita’.

Għaż-żmien li ġej din il-ħidma mhux biss trid titkompla, iżda trid tiżdied b’mod aktar effettiv. Għaldaqstant, il-Kunsilliera flimkien mal-istaff amministrattiv, ser jimpenjaw ruħhom aktar minn qatt qabel għall-benefiċċju tal-lokalita u tar-residenti li jagħmlu parti minn din il-lokalita’.

Il-Kunsill jemmen li baqa' ħafna iktar xi jsir, iżda jemmen li biex dan jitwettaq irid ikun hemm iktar koperazzjoni mill-pubbliku. Għaldaqstant, nappellaw sabiex ir-residenti tal-Birgu jikkoperaw iktar mal-Kunsill biex b’hekk il-Kunsill ikun jista’ jilħaq l-għan tiegħu, li jagħmel il-lokalita’ tal-Birgu mhux aħjar iżda l-aħjar.

Nagħlaq billi nirringrazzja lis-Sindku, lill-Viċi Sindku u lill-Kunsilliera kollha għall-isforz, is-sagrifiċċju u l-impenn fil-ħidma tagħhom, l-istaff kollhu, kif ukoll dawk iċ-ċittadini kollha li b’xi mod jew ieħor taw l-għajnuna tagħhom lill-Kunsill b’mod volontarju matul din is-sena.