L-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Prospero Grech O.S.A. iżur lill-Kunsill Lokali tal-Birgu

 

Is-Sindku, l-Viċi Sindku, Kunsilliera u s-Segretarja Eżekuttiva flimkien mal-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Propsero Grech O.S.A. nhar il-Ġimgħa 10 t`Awwissu, 2012 waqt l-ewwel żjara tiegħu fil-Birgu minn mindu ġie maħtur Kardinal

 

   

 

 
 
Diskors ta’ Merħba mis-Sindku tal-Birgu mal-wasla tal-Kardinal Prospero Grech ġewwa l-Birgu nhar il-Ġimgħa 10 t’Awwissu, 2012
 
 
X’għodwa din għall-Birgu tagħna
F’dan il-jum daqshekk sabiħ
Li wieħed mill-ulied tagħha
Jinsab fostna biex il-Patrun tagħha jagħti ġieh.
 
 
Wisq Eminenza Kardinal, Wisq Reverendu Arċipriet, Monsinjuri u membri tal-Kapitlu, Viċi Sindku u Kunsilliera, ħuti Vittorjosani;
 
 
Eminenza, kważi għaddew sitt xhur minn mindu il-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu ħatrek Kardinal, propju fit-18 ta’ Frar ta’ din is-sena.  Aħbar li dwiet fil-Gżejjer Maltin, b’mod speċjali u b’ferħ liema bħalu f’din il-Belt ċkejkna ”il-Birgu”, belt twelidek.
 
 
Iva, Kardinal, Kardinal Malti, Kardinal mill-Birgu.
 
 
Fejn qatt kien jobsor fi tfulitu meta kien jilgħab tal-Kavallieri u t-Torok fuq is-Sur tat-Toqba.
Min qatt kien ibassarlu fi tfulitu meta kien xi ftit imqarqaċ jilgħab u jiġġerra fit-toroq dojoq ta’ din il-Belt.
Min qatt mill-membri tal-familja tiegħu u minn sħabu kien jgħaddilu minn moħħu li wieħed minnhom ser jiġi maħtur Kardinal.
 
 
Qatt bassret din il-Belt Rebbieħa u Glorjuża b’l-istorja tagħha li minn fost niesha ser ikollha Kardinal?
 
 
F’din il-Belt twieldu Arkitetti u Mużiċisti
Twieldu Nies ta’ snajja u Tarznari
F’din il-Belt twieldu Letterarji u Storiċi
Twieldu Artisti u Baħħara
F’din il-Belt twieldu Atturi u Awturi
Twieldu Politiċi u Professuri
U f’din il-Belt twieled ukoll Kardinal.
 
 
X’mgħandhiex biex tiftaħar din il-Belt bl-istorja rikka tagħha
X’mgħandhiex biex din il-Belt tiddistingwi ruħha mill-bliet u l-irħula l-oħra fil-Gżejjer Maltin.
X’mgħandhiex biex din il-Belt bit-titlu uniku tagħha ta’ “Citta Vittoriosa” tiftaħar ma’ kull rokna tad-dinja minkejja ċ-ċokon tagħha li hi Belt imżewqa b’kollox.
 
 
Wild ieħor ma’ dawk oħrajn li jkompli jonora lil din il-Belt, li jkompli jgħolli u jkabbar l-isem tagħha, li jkompli jissiġilla t-titli tagħha ta’ “Citta Vittoriosa” u li jkompli jiddistingwiha mil-lokalitajiet l-oħra fil-Gżejjer Maltin.
 
 
Wisq Eminenza, min qatt kien ibassarlek li propju llum 10 t’Awwissu tas-sena 2012, jum il-festa tal-Kbir Qaddis San Lawrenz, Patrun ta’ din il-Belt, ser tidħol il-Birgu libes ta’ Kardinal?
 
 
U lilna ħutek Vittorjosani, min qatt kien ibassrilna li f’dan il-jum qaddis għalina ser ninġabru hawn bi ħġarna biex nagħtuk merħba u nilqgħuk fostna?
Kemm qiegħed inħossni privileġġat u kburi li llum bħala Sindku ta’ din il-Belt Vittoriosa qed nagħmillek dan id-diskors ta’ merħba. Kemm iħossuhom ukoll kburin sħabi l-Viċi Sindku u l-Kunsilliera u l-poplu kollu Vittorjosan, li f’dan il-jum qegħdin jagħtu merħba lil wieħed minn ħuthom, għaref u Prinċep tal-Knisja.
 
 
Ħallina nilqgħuk, ħallina nagħtuk merħba, ħallina nifirħu bik f’din l-okkażjoni speċjali u unika, mhux għalina biss imma għall-poplu kollu tal-Gżejjer Maltin.
 
 
Wisq Eminenza, nistiednek biex tidħol f’din il-Belt Rebbieħa u Glorjuża, Belt Twelidek, il-Belt Kapitali Marittima tal-Gżejjer Maltin. Il-Belt li ilha tistenniek biex tarak liebes differenti minn kif tiftakrek.
 
 
F’din il-Belt ser jiftakruk is-swar majestużi li jdawwruha u l-bini antik;
Ser tiftakrek il-Lunzjata u l-Palazz tal-Inkwiżitur fejn biswitu ftit metri ‘l isfel fid-dar tan-nanna ħadt l-ewwel nifs u bkejt l-ewwel bikja ta’ ħajtek;
Tiftakrek il-Pjazza u ż-żewġ monumenti li hemm ġo fiha;
Ser jiftakrek Fuq San Filippu u Santa Skolastika;
Ser jiftakrek ix-Xatt tal-Birgu u s-Sur tat-Toqba;
Ser tiftakrek il-Knisja ddedikata lil San Lawrenz;
Ser tiftakrek ukoll l-istatwa ta’ dan il-Kbir Qaddis li minn jaf kemm f’dan il-jum kont tkun fost dawk li jkantaw kant ta’ tifħir u b’vuċi kemm xejn differenti minn tas-soltu kont tgħajjat:
 
 
VIVA SAN LAWRENZ
 
 
Eminenza, nitolbok biex titlob għalija u għal sħabi l-Kunsilliera biex flimkien inkomplu naħdmu għall-ġid ta’ din il-Belt u biex inkomplu nagħmlu dak kollu possibbli li jkun ta’ ġid u fejda tal-poplu tagħha.
 
 
 
John Boxall
Sindku
10 t’Awwissu, 2012