Kunsill Lokali Taż-Żgħażagħ fil-Birgu

Nhar it-Tnejn 10 ta' Jannar, 2011, ġie elett il-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ għall-ewwel darba kemm ilu mwaqqaf il-Kunsill Lokali tal-Birgu mill-1994. Il-ħsieb ewlieni ta' dan il-Kunsill huwa li jippromwovi u jtejjeb dak kollu relatat mas-settur taż-żgħażagħ fil-lokalita.

 

Mix-xellug għal-lemin:

Geordey Gatt – Kunsillier, Lorna Vella – Kunsilliera, Matthew Tabone – Sindku, Kelly Hammett – Kunsilliera, Emman Formosa – Viċi Sindku, Matty Vassallo - Segretarju 

 

MATTHEW TABONE - SINDKU

Matthew Tabone twieled il-Birgu nhar is-27 t’April, 1996 u għandu 14-il sena. Iben Anthony Tabone u Deborah nee’ Farrugia. Matthew beda l-iskola tiegħu fl-iskola Primarja Santu Rokku fil-Birgu fejn minn hemm mar fl-iskola Primarja Patri Wistin Born fil-Kalkara. Wara l-Primarja huwa mar fl-iskola Sekondarja ta’ Verdala, Kulleġġ Santa Margerita fejn illum qiegħed fit-tielet klassi. Bħala passatempi Matthew iħobb jilgħab il-futbol kif ukoll għandu għal qalbu ferm iż-żmien tal-Ġimgħa Mqaddsa.  Meta tasal il-Ġimgħa l-Kbira juża l-intrata tiegħu biex fiha jesebixxi wirja tal-Ġimgħa l-Kbira. Fil-ħin liberu tiegħu huwa jilgħab bil-playstation, jaqra xi ktieb dwar l-avventuri u ma jonqosx ukoll li fis-sajf imur sa ħdejn il-baħar u jgħum għawma.

Matthew Tabone sar jaf bil-Kunsill taż-Żgħażagħ meta ġie nfurmat mis-Sinjura Victoria Butters li hija għalliema, kif ukoll kienet Kunsilliera fil-Kunsill Lokali tal-Birgu għal bosta snin. Matthew nistgħu ngħidu li mill-ewwel ħa nteress, tant hu hekk li malli sar jaf li fi ħdan il-Kunsill Lokali tal-Birgu ser jiġi mwaqqaf għall-ewwel darba Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ wera mmedjatament ix-xewqa li jagħmel parti minn dan il-Kunsill. Minn dawk iż-żgħażagħ li kienu preżenti għall-ewwel laqgħa li saret fil-bini amministrattiv tal-Kunsill fil-Berġa ta’ Franza, Matthew ġie elett Sindku.

L-iskop ewlieni ta’ Matthew huwa li sakemm idum Sindku ta’ dan il-Kunsill huwa jkompli jħeġġeġ aktar żgħażagħ sabiex jgħinu u fil-futur ikunu huma li jagħmlu parti minn dan il- Kunsill.

                                                                                                

EMMAN FORMOSA - VIĊI SINDKU

Emman Formosa twieled fit-8 ta’ Novembru 1995, bin Doris u John Formosa (mejjet). Għandu oħtu waħda jisimha Charlyn, miżżewġa Cordina. Minn ċkunitu attenda l-iskola ta’ Stella Maris ta’ Ħal Balzan u wara kompla l-istudju tiegħu ġewwa l-iskola sekondarja Ġużeppi Despot Boys Junior Lyceum fil-Ħamrun u issa qiegħed jattendi l-iskola sekondarja St Margaret College Boys Junior Lyceum Verdala fejn qiegħed fil-ħames sena. 

Fil-ħin liberu tiegħu jħobb jilgħab il-futbol u joħroġ mal-ħbieb. Emman illum jinsab imsieħeb man-nursery tal-lokal dik tal-Vittoriosa Stars Youth Nursery.
 
Huwa tħajjar jingħaqad fil-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ tal-Birgu wara li tkellem mas-Sindku tal-lokalita, s-Sur John Boxall fejn inkorraġġieh sabiex ma jitlifx din l-opportunita. Fl-ewwel laqgħa ta’ dan il-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ huwa ġie elett bħala Viċi Sindku. 
 
Din l-esperjenza qegħda sservih biex jimmatura u jakkwista sens ta’ leadership, kif ukoll biex jaqdi dmiru aħjar bħala ċittadin Malti u mill-Birgu, filwaqt li tgħinu għal futur tiegħu anke fid-dinja tax-xogħol.

                                                                                                

MATTY VASSALLO - SEGRETARJU

Matty Vassallo twieled f’Settembru tal-1993. L-idea li jidħol fil-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ ħarġet meta kien jattendi l-iskola Sekondarja tas-Subien li tagħmel parti mill-Kulleġġ Santa Margerita.
 
Matty kien entużjast li jidħol fl-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ sabiex b’hekk ikun mezz ta’ għajnuna għall-lokalita’ tal-Birgu. L-iskopijiet li għandu Matty għal Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ huma b’għan ta’ ġid, ta’ bidla, ta’ kreazzjoni u ta’ suċċess. Il-passatempi ta’ Matty huma ħafna, fosthom drama u futbol. Matty Vassallo jħobb ħafna s-soċjeta ta’ madwaru u dejjem jipprova jfittex kif jista’ jkun ta’ għajnuna għal persuni oħra.
 
Fl-ewwel laqgħa li saret sabiex jiġi ffurmat dan il-Kunsill Lokali taż-żgħażagħ, Matty ġie elett bħala segretarju liema kariga huwa qiegħed.
 
Jaħseb ukoll li kull bniedem jista’ jasal fejn irid fil-ħajja jekk dejjem jemmen fil-valuri tiegħu u ta’ dawk ta’ madwaru. Huwa jisħaqq ħafna fuq l-importanza ta’ l-edukazzjoni. Hu jgħidilna li għalkemm kien hemm id-diffikultajiet fil-ħajja huwa dejjem irsista u kompla sa l-aħħar sakemm laħħaq il-livell meħtieġ li jwasslu biex ikompli jtejjeb il-livell edukattiv tiegħu.
 
Matty Vassallo jispera li l-ħidma tiegħu fil-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ tal-Birgu tkun ta’ għajnuna kemm għalieh, kemm għaż-żgħażagħ tal-Birgu kif ukoll għan-nies tal-Lokalita’ Vittoriosana.
 
 
GEORDEY GATT - KUNSILLIER
 
Geordey Gatt twieled il-Birgu nhar it-8 ta’ Diċembru, 1996 u għandu 14-il sena. Iben George Gatt u Sandra Grech. Geordey beda l-iskola tiegħu fl-iskola Primarja Santu Rokku fil-Birgu fejn imbagħad kompla l-istudju tiegħu fl-iskola Sekondarja tal-Junior Lyceum Verdala fi ħdan il-Kulleġġ Santa Margerita fejn illum jinsab fir-raba’ sena.   Bħala passatempi Geordey iħobb jilgħab il-futbol u fil-fatt jagħmel parti mit-tim ta’ taħt il-15-il sena tal-Vittoriosa Stars Youth Nursery. Barra dan il-passatemp Geordey iħobb jilgħab l-Xbox fil-ħin liberu tiegħu, jaqra - speċjalment kotba fuq il-lokalita’ tal-Bigu, u fix-xhur tas-sajf ma jonqosx l-għawm.
 
Geordey Gatt sar jaf bil-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ waqt diskussjoni għall-istudenti li saret fil-Kulleġġ fejn imbagħad esprima x-xewqa tiegħu ma’ żgħażagħ oħra mill-istess lokalita’. Meta sar jaf li fi ħdan il-Kunsill Lokali tal-Birgu ser jiġi mwaqqaf Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ wera interess dirett. Minn dawk iż-żgħażagħ li kienu preżenti għall-ewwel laqgħa li saret fil-bini amministrattiv tal-Kunsill Lokali tal-Birgu, l-Berġa ta’ Franza, Geordey ġie elett Kunsillier u għalhekk qiegħed jagħmel parti minn dan l-ewwel Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ ta’ din il-Belt.

 

KELLY HAMMET - KUNSILLIERA
 
Kelly Hammet twieldet fis-7 ta’ Jannar 1996 u għandha 15-il sena. Hija mwielda u toqgħod il-Birgu. Hija bdiet tattendi l-iskola Primarja tal-‘Our Lady of Immacultate Conception’ tal-Ħamrun fejn wara għaddiet għas-Sekondarja fl-istess skola. Fil-ħin liberu tagħha hija ssib ħin għall-passatemp favorit tagħha, dak li ddoqq il-pjanu. 
 
L-idea ta’ Kunsill Lokali għaż-Żgħażagħ għoġbitha mill-bidu nett u hekk kif saret taf li fil-lokalita tal-Birgu se ssir sejħa għal min hu nteressat li japplika biex jagħmel parti minn dan il-Kunsill, hija mmedjatament ħatfet din l-opportunita. Kelly attendiet għall-ewwel laqgħa li saret għal dawk kollha nteressati biex jagħmlu parti mill-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ, liema laqgħa saret fil-binja storika tal-Berġa ta’ Franza. Dakinhar saret l-ewwel elezzjoni biex jiġi elett l-ewwel Kunsill Lokali għaż-Żgħażagħ u fejn Kelly ġiet eletta Kunsilliera u għalhekk illum hija tagħmel parti minn dan l-ewwel Kunsill f’din il-Belt.  Hija taħseb li din hija esperjenza li tista’ tgħinha ħafna anke fil-futur tagħha.

 

LORNA VELLA - KUNSILLIERA
 
Lorna Vella, tfajla ta’ ħmistax–il sena twieldet fis-17 ta’Frar 1996. Fi tfulita Lorna bdiet tattendi l-iskola Primarja Santa Rokku fil-Birgu fejn minn hemm illum qiegħda tattendi fl-iskola Sekondarja tal-Bniet Erin Seraccino Inglott tal-Kulleġġ Santa Margerita fejn tinsab fir-raba’ sena fil-klassi Poppy.
 
Lorna fil-ħin liberu tagħha tħobb toħroġ ma’sħaba tal-klassi kif ukoll ma’ dawk mill-lokalita’. Fix-xhur tas-sajf Lorna bħal ħafna tfajliet oħra tħobb tmur ħdejn il-baħar. Hija tħobb tinvolvi ruħha fi plays li jiġu organizzati fl-iskola kif ukoll f’dawk li jiġu organizzati fil-Birgu. Illum lil Lorna insibuha tagħmel parti minn grupp ta’ żgħażagħ mill-Birgu fejn qegħda tieħu sehem fir-Rock Opera “Jesus Christ Super Star” li ser tittella’ fl-istess lokalita’ fil-ġranet tal-Ġimgħa Mqaddsa.
 
Lorna meta minn sħabha saret taf li fi ħdan il-Kunsill Lokali tal-Birgu ser jiġi kostitwit Kunsill taż-Żgħażagħ, kienet minn ta’ l-ewwel li wriet interess. Tant hu hekk li hija attendiet għall-ewwel laqgħa li saret fejn ġiet eletta bħala Kunsilliera. Lorna qiegħda tħares lejn din il-kariga ġdida bħala opportunita li sserviha ta’esperjenza għall-futur tagħha.