Jum il-Birgu 2013 - Diskors Kommemorattiv

 
 
 
Kunsill Lokali Birgu
 
Jum il-Birgu 2013
 
Diskors Kommemorattiv
 
 
Sur Sindku u Sinjuri Kunsillera,
Ħuti Vittoriosani,
Sinjuri,
 
Kien bi pjaċir kbir li aħna, l-aħwa Buttigieg llqajna l-istediena li għamlilna il-Kunsill Lokali sabiex wieħed minna jagħmel dan id-diskors illum, f’din is-sena li l-Birgu qed ifakkar il-ħamsin anniversarju mill-mewt ta’ missierna – it-tabib Ġiġi – fl 1963.
 
Bħala wieħed miż-żewġ aħwa mweldin il-Birgu, ftehimna li d-diskors ngħamlu jien f’isem ħuti. Huwa unur għalija wkoll li qed nagħmel dan id-diskors fil-post preciż fejn għamlu missieri fl-1957, hawn taħt l-istawta ta’ Malta rebbieħa f’din il-pjazza tant għal qalbi.
 
Iżda llum qegħdin hawn biex niftakru u ngħatu ġieh ukoll lil din il-belt li, kif iddiskrivija sew is-Sur Stanley Spiteri fid-diskors li għamel fl-2007,
 
kienet ġawhra moħbija, minsija u mitluqa li fl-aħħar instabet, tnaddfet u llum qiegħda tleqq biex kulħadd igawdiha
 
Ippermettuli mela nibda billi naqralkom il-poeżija bl-isem ta’ ‘Melita Victorious’ li kieteb missieri, li dehret fit-Times of Malta ta’ l-4 ta Settembru 1955, żgur ispirata minn din l-istatwa ta’ Malta Rebbieħa’ :-
 
Stands the maid on granite column proudly in the square
With the flaming sword unsheathed and streaming raven hair,
To the world proudly proclaiming joy and victory,
Unafraid and unabashed and happy to be free.
Hers the honour and the glory and the memory
Of the Turkish galleys streaming back to Barbary,
On that fateful eighth September, back in fifteen sixty-five,
When the Cross overcame the Crescent and the world became alive
To the meaning of Melita standing lonely amidst the waves.
Lonely bulwark of Religion and the pride of kings and slaves,
Lonely maiden proud, unbroken strong in faith and love,
In her children standing beneath her and her God above.
 
 
Is-Sur Anton Buttigieg waqt id-diskors tiegħu nhar is-Sibt 7 ta' Settembru, 2013
fl-okkazjoni ta' Jum il-Birgu, f`Misraħ ir-Rebħa
 
 
Poeżija xierqa sabiex tfakkarna fl-Assedju il-Kbir ta’ 1565 meta l-Ottomani taħt it-tmexxija tal-Ammirall tal-flotta Pjali Paxa u l-General tat-Truppi Mustafa Paxa, flimkien ma’ Dragut Reis, assedjaw lil Malta li dak iż-żmien kienet iggvernata mill– Kavallieri ta’ San Gwann immexija mill-Gran Mastru Jean Parisot de La Vallette.
 
Kien fit-18 ta’ Mejju ta’ dik is sena, meta, fuq ix-xefaq dehret il-flotta Ottomana li minnha sbarkaw madwar 40,000 suldat li tellgħu il-kampijiet tagħhom fil- kapmanja, l-ikbar wieħed fil-wita tal Marsa.
 
Biex jiddefendi lil Malta La Vallette kellu għad–disposizjoni tiegħu madwar 9000 raġel li minnhom 592 kienu kavallieri. Il-kumplament tal-armata kienet magħmula minn irġiel Maltin, żgur ħafna minnhom kienu minn dawn in-naħat u jaħdmu fit-tarzna tal-Ordni.
 
Wara li waqa’ Sant’Iermu, f`Lulju, Mustafa u Pjali dawru ħsiebhom lejn il-Birgu u L-Isla.
Għamlu diversi attakki kefrin fuq iż-żewġ fortijiet ta’ San Mikel u ta’ Sant’Anglu.
L-iktar attakk aħrax beda jum it-2 ta’ Awwissu u jingħad li l-isparar tal-kanuni kien daqshekk qawwi li kien jinstema’ min Sirakusa u Catania.
 
Għal ġranet u ġimgħat sħaħ in-nies qalbiena ta’ dawn iż-żewġ ibliet tħabtu ħafna sakemm l-Ottomanni rrtiraw - meta niżlet il-kavallerija tal-Ordni mill-Imdina u għamlet ħerba mill-kamp ta’ Mustafa u Pjali.
 
L-għajnuna tant mistennija minn Sqallija fl-ahhar waslet fis-7 ta’ Settembru. Il- Ġenerali Torok ħasbu li xniegħa li kien hemm, dik li ġejja għajnuna kbira minn Sqallija, kienet qed iseħħ u għalhekk iddeċidew li jirtiraw it-truppi tagħhom minn Malta.
 
Dakinhar stess ingħatat l-irtirata ġenerali u sal-għada, 8 ta’ Settembru, it-truppi ta’ Soleiman ħarrbu min xtutna.
 
Kemm ipinġih tajjeb dan il-mument storiku u ħelu, il-poeta Anton Buttigieg, f’għeluq il-poeżija tiegħu ‘Il-Ballata tal-Assedju l-Kbir’ :-
 
Kienu it- Tmienja ta’ Settembru
Kienet għodwa ta’ sbuħija
Ta’ Sant Iermu u ta’ Sant Anġlu
Il-Fortizzi kollhom dija
Daqq ta’ trombi, daqq ta’ tnabar
Il-bandieri mifruxin
Ferħ u bews tal-kavallieri
Ferħ u bews tagħna l-Maltin
Oh Bambina llum mitwielda
Il-Qniepen idoqqu l-glorja
Issejjaħlek mill-lum Malta
Il-Madonna tal-Vitorja
F’San Lawrenz jiżżu ħajr l’Alla
Miġburin ilkoll Flimkien
Viva Malta ! Tal-Ewropa
Sur tal-Fidi u Ħelsien
 
It-Tieni Assedju li Malta u l-Birgu kellhom jiffaċċjaw kien dak tat-Tieni Gwerra Dinjija.
 
B’kuntrast ma’dak ta’ 1565, dan ma damx erba xhur biss, imma erba’ snin.
 
Din id-darba in-nies tal-Birgu ma ġrewx għal kenn tas-swar, imma ħarbu mill-qilla tal-attakki mill-ajru tal-għadu u sabu kenn fi rħula u bliet oħra madwar Malta.
 
L-attakki ħorox fuq Malta bdew bis-seħħ f’Marżu ta’ 1942 u saret ħafna ħsara fuq it-tarzna u lbliet ta’ madwara - Bormla, il-Birgu u l-Isla.
 
F’Awwissu, is-sitwazzjoni tal-hażniet ta’ Malta, f’dak li kien ikel, żejt u munizzjon kienet daqshekk imwera li l-awtoritajiet kienu ħasbu li din tispiċċa għal kollox fi żmien ftit ġimgħat.
 
L-aħħar tama għal Malta kienet dik li tirnexxi l-operazzjoni ‘Pedestal’ li kienet tikkonsisti minn ‘Convoy’ ta’ 14 –il bastiment li telqgħu mix-xtut inglizi it-2 ta’ Awwissu.
 
Il-‘Convoy’ daħal fil-baħar mediterran bejn l-10 u l-11 ta’ Awwissu akkompanjat minn bastimenti tan-Navy Ingliza.
 
Sab jistennih flotta ta’ iktar minn 16 -il bastiment ta’ l-ASSI – fosthom 10 ‘submarines’ – li għamlu dak kollu li setgħu biex jerqgħuhom sabiex b’hekk Malta jkolla iċċedi.
 
Bl-għajnuna tal-bastimenti inglizi u żgur dik ta’ Alla u il-Madonna, irnexxielhom jgħaddu ħames vapuri u jidħlu fil-port il-kbir – fosthom it-tanker Amerikan ‘Ohio’, bit-tagħbija tiegħu taż-żejt, li daħal fil-port il-kbir f’jum il-festa ta’ Santa Marija il- 15 ta’ Awwissu 1942.
 
Settembru ta’ 1943 u meqjus bħala il-mument li temmet il-gwerra għal Malta, meta l-Italja daret kontra l-Germanja u waqfet il-bombardamenti fuq Malta.
 
Għalkemm ‘gwerer’, ta’ sura diversa, u rebħiet fil-kamp soċjali għadom iseħħu anke fiż-żminijiet ta’ llum, il-Birgu, taħt it-tmexxija għaqlija u entuzjasta tal-Kunsill Lokali, jirnexxielu jkompli isebbaħ din il-ġawhra ta’ belt, bl-impenn sħiħ taċ-ċittadini u bis-sens ta’ ‘ownership’ li jispikka fil-karattru taċ-ċittadin Vittorjosan.
 
Jien min hawn nifirħilhom ta’ dak li wettqu sa issa, u nawgurahlhom li dejjem jibqu jaħdmu għall-ġid ta’ din Belt twelidna.
 
Grazzi u nawguralkhom għal Jum il-Birgu 2013
 
 
Anton Buttigieg
7 ta’ Settembru 2013

 

------------------------------------------------------------ 
Is-Sur Laurence Mizzi, iben il-Belt Vittoriosa jingħata l-Ġieh ta’ Jum il-Birgu 2013 mill-Kunsill Lokali tal-Birgu
 
Nixtieq qabel xejn nirringrazzja lill-Kunsll Lokali tal-Birgu, immexxi mis-Sindku ħabrieki, is-sur John Boxall talli għoġobhom jagħtuni dan il-Ġieh. Apprezzajtu ħafna u ngħidilkom qatt ma stennejtu f`idejha. Kif jista’ jixhed il-Kunsillier is-Sur Anton Gellel li nħatar mis-Sindku biex jieħu l-organizzazjoni tal-attivitajiet ta’ Jum il-Birgu 2013 li ċempili biex jagħtini l-aħbar. Il-fatt li jien twelidt f`din il-belt antika bi ġrajja kbira hu diġa ta’ sodisfazzjon kbir għalija. Imqar jekk għext fiha tmien snin biss sal-1949 meta kellna noħorġu minnha minħabba l-qilla tal-gwerra.
Iżda f`dawn it-73 sena li għaddew nista’ ngħid li l-Birgu qatt ma nsjetu u wisq inqas cħadtu. Saħansitra anke fil-gwerra fl-1943 meta l-Knisja kienet għadha mingħajr koppla, kappella tas-Sagrament u mingħajr il-bini tas-sagristija jien u hija, aktar tard Patri Massimiljan, Alla jaħfirlu konna ġejna nagħtu servizz ta’ abbatini meta saret il-Griżma tal-Isqof lil ftit tfal li kienu għadhom joqogħdu hawnhekk. U naturalment wara l-funzjoni ma konniex tlifna l-opportunita li mmorru ngħumu t-Toqba fejn konna tgħallimna ngħumu.
Il-kuntatt tiegħi ma’ din il-belt għażiża baqa’ ma qata xejn ukoll għax wara l-gwerra kienu reġgħu gew joqogħdu hawnhekk żijieti. Insemmi b`mod speċjali li hu missieri Ġużeppi Mizzi li għal ħafna snin kien is-superjur tal-Mużew tal-lokal. Iż-żjajjar tiegħi għandhom żammewni f`kuntatt sħiħ mal-Birgu. Kif għamlu mhux inqas il-festi tal-Ġimgħa l-Kbira u dik tal-qaddis patrun ta' din il-Belt Rebbieħa. Biex ma nsemmix is-sena li għamilt nilgħab mal-Vittoriosa Stars l-istess kif kien għamel missieri xi 25 sena qabel.
Is-Sur Laurence Mizzi, iben il-Belt Vittoriosa jingħata l-Ġieh ta’ Jum il-Birgu 2013 mill-Kunsill Lokali tal-Birgu
 
Kull darba li ninżel hawnhekk inħoss titqanqal fija l-ġibda li nimmaġina kulħadd iħoss lejn raħal jew belt twelidu. Fil-każ tiegħi jergħġu jfiġġu quddiem għajnejja, nies, postijiet u inċidenti marbuta ma’ żmien tfuliti. Niżgurakom li l-Ġieh li għoġobkom tonorawni bih ilejla – jekk kienx mistħoqq jew le tafuh intom – ser inkompli jressaqni aktar lejn din il-belt storika u għażiża u lejn niesha.
Nawgura lill-Kunsill jibqa’ miexi bil-ħidma tiegħu ma taqta’ xejn favur il-Belt Vittoriosa. Ħidma li qegħdin igawdu minnha mhux biss, bi dritt ir-residenti iżda wkoll l-għadd mhux żgħir ta’ Maltin u barranin li jiġu jżuru u japprezzaw din il-belt li għandha sehem kbir fl-istorja ta’ artna.
Grazzi mill-ġdid.
 
Laurence Mizzi
7 ta’ Settembru, 2013
 
 
Is-Sur Laurence Mizzi waqt id-diskors tiegħu wara li ngħata Ġieh Jum il-Birgu