Il-Programm u d-Diskors ta' Jum il-Birgu 2012 - Il-Ġimgħa 7 ta' Settembru

 

Agħfas hawn biex tniżżel il-programm ta' Jum il-Birgu 2012 - Il-Ġimgħa 7 ta' Settembru

 

 
Diskors kommemorattiv  ta' Jum il-Birgu 2012 mill-Professur Dr. Stanley Fiorini
 
 
 
 
 
JUM IL-BIRGU 7 ta’ SETTEMBRU 2012
 IL-BIRGU
BELT ĠAWHRA TILMA WARA ŻEWĠ ASSEDJI
 
 
 
Sur Sindku u Sinjuri Kunsilliera.
Mistiedna distinti.
Sinjuri.
 
Jum il-Birgu jiġi ta’ kull sena fis-7 ta’ Settembru biex iġeddilna t-tifkira tar-rabta sfiqa li hemm bejn dil-ġawhra ta’ belt u r-rebħa ta’ Malta f’żewġ assedji kiefra. Biex nesprimi dawn is-sentimenti, ma nistax nagħmel wisq aħjar milli nfakkarkom fil-kliem mirqum li bih il-poëta Nazzjonali tagħna jiddeskrivi id-‘Dehra tat-VIII ta’ Settembru’:
 
Sidru ta’ ljun, ħarstu bin-nar mimlija
bix-xabla f’idu li ma tafx mistrieħ,
hemm rajtu, fuq il-Prexxa, fl-ewwel dija
lill-qawwi La Valette: ma’ dwaru sbieħ
 
fil-ħerba tagħhom siekta qalb id-dmija
rajt idaħħnu l-iswar; u smajt ferrieħ
leħen ta’ qniepen f’mota dewwemija
jagħti l-aħbar tar-Rebħ ma’ l-erba’ rjieħ:
 
imbagħ’d kotra ta’ nies ħienja fil-ħsara
tħares mix-xtut, u qlugħ donnhom maħruba
jitbiegħdu fuq il-mewġ biex jieħdu l-bxara.
 
Oh dehra kbira ta’ Settembru! Ejja
ġdida kull sena fuq din l-Art maħbuba,
u f’hemha kif għar-rebħ’ għandha titħejja.
 
Sa mill-ibgħad żminijiet il-ġrajja tal-Birgu ntgħaġnet ħaġa waħda ma’ dik tal-gżira. Il-Birgu – is-subborg għar-rdoss tal-Kastell Sant’Anġlu, il-protettur, jew forsi wkoll jaf ismu lill-Kastell innifsu, bil-Grieg pyrgos, torri – għall-bidu mhux aktar minn irħajjel ta’ ftit mijiet ta’ baħħara – sajjieda u kursara u ħaddiema impjegati f’Sant’Anġlu, bejn suldati u bejn bennejja u qalfata ta’ xwieni, fil-foss bejn Birgu u pyrgos, in bocca di portu, kif insibu miktub. Irġiel u nisa b’kunjomijiet tipiċi li kkaratterizzaw dan il-post għax ma kont issibhom imkien aktar fil-gżira ħlief hawn, bħal Abela u Burlò. Imma kien miktub f’xi ktieb li dan l-irħajjel ċkejken kellu jogħla ‘l fuq u jsir belt kburija bl-isem ta’ ‘Rebbieħa’. Għax...
 
Mal-miġja tal-Ordni ta’ San Ġwann, il-popolazzjoni splodiet, meta mill-lejl għan-nhar, waslu hawn, u hawn qatgħuha li joqogħdu u jwaqqfu għamarthom, eluf ta’ barranin, bejn kavallieri nobbli minn kull rokna tal-Ewropa u Rodioti li ġew magħhom. Il-knisja parrokkjali ta’ San Lawrenz għaddiet f’idejhom, b’kiri, bħala l-Knisja Konventwali filwaqt li l-Knisja tad-Dumnikani bdiet taqdi ta’ parroċċa għall-Maltin. Ir-Rodioti, ħafna minnhom ta’ nisel Grieg, ngħatawlhom tliet knejjes żgħar fejn setgħu jissuktaw il-ħajja kommunitarja parrokkjali li kellhom f’Rodi. Tant kibret il-popolazzjoni fil-Birgu li n-nies ma damitx ma ħteġilha toħroġ barra l-konfini ta’ dan l-ilsien art, lejn Bormla w l-Isla.
 
Il-Kavallieri ma damux ma bidlu il-fiżjonomija tal-irħajjel marittimu medjevali bil-bini, fin-naħa l-qadima, ta’ sptar, fejn setgħu jwettqu l-ħidma ewlenija tagħhom ta’ ospedalieri, u ta’ bereġ, kwartieri ġenerali għall-ilsna differenti tagħhom; x’uħud minn dawn, bħall-Auberge de France u l-Auberge d’Angleterre, dan l-aħħar ġew restawrati għall-glorja oriġinali tagħhom bil-ħidma ta’ fejda mwettqa mill-Kunsill tal-Birgu. Din in-naħa tal-Birgu, l-Ordni ħolmot li terġa’ twaqqaf fiha il-collachio li kellhom f’Rodi, kwartier tal-belt maqtugħ għalih għall-użu esklussiv tagħhom; proġett li qatt ma twettaq billi l-kavallieri bdew joqogħdu fi djar, bieb u għatba man-nies tal-Birgu. Skond Bosio, fl-1558 saħansitra l-Gran Mastru De Valette għażel li jinżel igħix f’dar fil-Birgu, biex ikun man-nies (jgħidu x’uħud), minflok ma qagħad f’Dar il-Kastellan f’Sant’Anġlu. Ħasbu wkoll għall-bini ta’ Armerija, ta’ palazzi imponenti bħalma huma dak tal-Isqof jew dak tal-Kastellanija, il-bini tal-Qrati, li wara sar il-Palazz tal-Inkiżitur, il-Marina li testendi mit-tagliata barra Sant’Anġlu sal-Bieb ta’ Bormla, matulha bini mill-isbaħ fejn kien igħammar il- Ġeneral tal-Iskwadra tal-Galeri, il-Prodomo tat-Tarzna u l-kaptani tal-galeri. F’dawn kollha tidher l-id imħarrġa ta’ nies tas-sengħa, kemm fid-disinn u kemm fl-eżekuzzjoni, mgħallmin li ġew mal-Ordni – bħal Piccino, Flavari, Malfreire u oħrajn – u ġabu magħhom ideat ġodda għal dawn il-gżejjer, u wettquhom hawn, bħal ma huma l-użu tal-ħnejjiet kwadripartiti (ferm popolari mal-Ordni f’Rodi) u hawn min jaħseb ukoll il-gwarniċ triplu – hekk imsejjaħ Melitan – li jiddekora kemm-il tieqa tas-seklu XVI fil-Birgu, f’kuntrast ma’ l-oħrajn bil-kolonna żnella fin-nofs tas-seklu ta’ qabel.
 
Il-kavallieri, li riedu jieħdu l-kontroll assolut tal-gżejjer mingħajr indħil minn min sa dakinhar kellu r-riedni f’idejh u jċaqċaq il-frosta mill-Imdina, malajr ħasbu li jwaqqfu Kunsill Muniċipali ġdid fil-Birgu, indipendenti minn dak tal-Imdina, hekk li, fuq il-prinċipju klassiku ta’ divide et impera, qasmu l-parroċċi eżistenti f’Malta fi tnejn, b’nofsom dipendenti fuq l-Imdina u n-nofs l-ieħor fuq il-Birgu. Ħaġa minn awl id-dinja, ma tantx setgħu jistennew għajnuna mill-Maltin biex tirfidhom fi proġett bħal dan – li sab oppożizzjoni kbira mill-Mdina u li xi wħud bħal Ġużeppi-Mattew Callus ħallsu qares b’ħajjithom għal dat-tnaqqir tal-privileġġi tal-Maltin – u għalhekk, daru fuq ir-Rodjoti li ġew magħhom, lejali lejhom, issa ċitaddini awtentiċi tal-Birgu, biex jimlew is-siġġijiet tal-Kunsill il-ġdid; dawn kienu il-prekursuri tal-kunsilliera muniċipali tal-Birgu tal-lum.
 
Ikollna nistqarru li dawn kienu żminijiet diffiċli u min kellu r-riedni tal-gvern f’idejh ħtieġlu jmexxi bla tfixkil. Ma jistax jonqos li f’dawk is-snin ta’ nkwiet li fihom ġiet l-Ordni hawn, il-Kavallieri jaħsbu għal tisħiħ tal-fortifikazzjonijiet kemm ta’ Sant’Anġlu n-nifsu u kemm tal-Birgu, b’sur qawwi tal-forti li jħares lejn is-subborg, kif ukoll bi swar li jdawru dawra mejt il-Birgu u l-Isla. Il-għadu li xamm x’kien għaddej ma damx ma bagħat armata fl-1551 biex, qabel ma marret tagħmel straġi minn Għawdex, tersaq tittawwal u tgħarrex ħa tara x’bini ta’ lqugħ kien tielgħa madwar il-Birgu. Din kienet l-ewwel prova ta’ assedju li sewa biex l-Ordni setgħet tiżen ftit kif setgħet tmur il-biċċa f’assedju serju li, fil-fatt ma damx wisq biex iseħħ. F’dik l-ewwel laqgħa wiċċ imb’wiċċ tal-belt mal-għadu, inġabru għall-kenn tas-swar qed jinbnew tal-Birgu madwar 12,000 ruħ – nofs il-popolazzjoni ta’ Malta – b’kull ma setgħu jġorru magħhom minn djarhom fl-irħula, bhejjem, qmuħ u xarbitelli. Għal kemm dam il-periklu, kellhom iġaħġħuha mill-aħjar li setgħu mingħajr saqaf fuq rashom, għall-qilla tax-xemx tas-sajf binhar u għas-sirda treżżaħ bil-lejl.
 
Din l-esperjenza għallmet lill-mexxejja ġodda tal-gżira il-ħtieġa urġenti ta’ tisħiħ tad-difiża tal-Birgu hekk li meta erbatax-il sena wara reġa’ feġġ l-għadu, sab il-Maltin imħejjija għalih. Dan kien jikkuntrasta sew max-xogħfa li kellu l-Birgu, meta kien għadu għeri minn ħitan ta’ lqugħ fl-1488, meta tnax-il ġifen Tork ħebbew għal Sant’Anġlu u s-subborg tiegħu u għamlu ħerba minnu u mill-bqija tal-gżira. Imma meta dehru bħal sħaba jbajdu fuq ix-xefaq l-iġfien tal-għadu ma’ sbieħ il-jum tal-Ġimgħa, 18 ta’ Mejju tal-1565, il-Birgu u l-Isla kienu mħejjija għall-qilla li kienet ġejja fuqhom, imħażżma kif kienu mis-swar ġodda u ktajjen jorbtu ponta ma’ ponta biex ħadd ma jersaq ‘il ġewwa fejn kien hemm ix-xwieni tal-Ordni. Pont ta’ dgħajjes kien igħaqqad iż-żewġ ilsna art biex jirfdu lil xulxin fil-ħtieġa. Sparaw kanuni, sinjal għan-nies tar-rħula biex jerġgħu jinġabru għall-kenn kif kienu għamlu fl-1551, jitilqu minn idejhom l-għodda tar-raba’ u jaqbdu dawk tal-ġlied.
 
Xejn anqas minn mija w ħdax-il jum damu jissieltu l-għadu l-Maltin minn ġewwa s-swar, bil-fortuna tal-battalji daqqa tonfoħ lejn naħa u daqqa lejn l-oħra. Imma sewwasew 447 sena ilu bħall-lum – is-7 ta’ Settembru – l-aħħar attakk tal-ġannizzari falla u l-għada l-għadu ħarab. Biex nerġa’, kif bdejt, nikkwota ‘l Dun Karm:
 
Mas-sebħ tat-8 ta’ Settembru, il-qniepen tal-knejjes daqqew bil-kbir; minn fuq is-swar imkissra sparaw il-kanuni; mid-djar imħarbta, mill-egħlieqi miknusa, ħarġet bħal tnehida ta’ mistrieħ; mill-pjazez miżgħuda stemgħet qisha ragħda qawwija l-għajta tar-rebħa, u mill-Knisja ta’ San Lawrenz tal-Birgu, b’leħen ta’ ferħ għalkemm imbikki, xtered ma’ l-ajru niedi l-innu tal-ħajr lil Alla u lill-Bambina Marija, li minn dak in-nhar il-Għid tat-twelid tagħha rtabat hekk sewwa mal-Għid tar-Rebħa.
 
Minn dak in-nhar dil-belt glorjuża tgħammdet mill-ġdid bl-isem Victoriosa.
 
 
 
Il-kavallieri, li sa dak in-nhar kienu għadhom itellgħu u jniżżlu jekk għandhomx jibqgħu f’dawn il-gżejjer, l-Assedju l-Kbir kien għalihom bħal daqqa ta’ ħarta li ġabithom f’sensihom u ġagħlithom jistejqru u jiġu f’tagħhom. Qatgħuha li joqogħdu u li. allura, ħteġilhom iwaqqfu belt ġdida fuq l-Għolja Xeberras, imsaħħa bi swar formidabbli, dik il-għolja li kienet switilhom tant qares f’dak l-assedju. Ħwejjeġ tal-meravilja, kif f’biss sitt snin din il-ħolma għamluha realtà, għax sal-1571 kienu laħqu bnew swar u bini ta’ bereġ u palazzi oħra meħtieġa għalihom, hekk li f’dik is-sena ħarġu mill-Birgu, qasmu l-port u daħlu fil-Belt il-Ġdida.
 
Matul dawk l-40 sena li damu l-Birgu, il-Kavallieri kienu ttrasformawh minn raħal ċkejken ta’ sajjieda għal belt imsaħħha bi swar felħana, imġarrba fit-taqbid, mogħnija bi knejjes rikki bħal ma hi ta’ San Lawrenz li l-ġmiel arkitettoniku tagħha ġie deskritt bħala ‘sinfonija fil-ġebel’, li l-arti li żejnitha u baqgħet tisseddaq hi fost l-ifjen li teżisti, li ssib fiha rkejjen ta’ seħer bħall-kaskata ta’ taraġ iġelben madwarha. Mhux biss, imma s-snajja’ medjevali, li rabtu nies il-Birgu mal-baħar, għarfu jkattruhom u jġibuhom il-quddiem, hekk li l-Birgu, bil-mollijiet u bit-tarznari li twaqqfu fih, b’dak kollu li kien imur mat-teknoloġija taż-żmien, sar ċentru kummerċjali mill-iprem u baqa’ hekk għal sekli sakemm, fi żmien l-Ingliżi, sewa ta’ bażi fuqhiex tinbena ekonomija għal kollox ġdida.
 
Hawn ukoll il-Birgu kellu jħabbat wiċċu ma’ kriżi qalila fit-tieni assedju tiegħu tat-Tieni Gwerra Dinjija. B’kuntrast ma’ dak l-ewwel wieħed, dan ma damx erba’ xhur biss, imma erba’ snin sħaħ, u bil-maqlub ta’ dak li ġara f’ta’ qablu, il-poplu Malti ma ġeriex lejn il-Birgu għall-kenn ta’ swaru, imma ċ-ċittadini tal-Birgu, fil-maġġoranza tagħhom, ħarbu mill-qilla tal-attakki mill-ajru u x-xita ta’ balal li niżlet fuqu u tferrxu mal-erbat irjieħ tal-Gżejjer Maltin. Il-ħsara li ġarrbet il-belt kienet mill-aktar devastanti. Imma din id-darba wkoll, jum it-8 ta’ Settembru feġġ u ġab miegħu r-rebħa għat-tieni darba. Bil-mod il-mod, bid-dehen ta’ Maltin ħawtiela, il-belt reġgħet qamet mill-ġdid fuq saqajha mill-ħerba, bħall-feniċe, l-għasfur mitoloġiku li, fid-deżert tal-Għarabja, twieled mill-ġdid u rxoxta mill-irmied tiegħu stess. Il-ġawhra reġgħet bdiet tilma fir-raġġi ta’ żminijiet aktar prosperi.
 
F’din l-era moderna tat-turiżmu fis-seklu XXI, ir-rabta tal-Birgu mal-baħar issuktat tagħmel minn din il-ġawhra, belt vibranti, sewwasew bħala vetrina tiddandan bl-istorja glorjuża tiegħu. Xhieda ta’ dan il-Mużew Marittimu, li wiret post il-Bakery tal-Ingliżi, li nbena flok it-tarzna tal-Ordni, il-yachts ta’ klassi, sorġuti s-sena kollha mal-pontoons ankrati tul il-marina li bena l-Ordni, ħadu lok il-frejgati Ngliżi li kienu ġew wara l-galeri tal-kavallieri, il-Casinò di Venezia u r-restoranti matul il-waterfront ħadu post id-djar tal-Ammirall Ingliż u l-irjus kbar l-oħra, fil-Victualling Yard, fejn qabel kien hemm ir-residenzi tal-Ġeneral tal-Iskwadra tal-Galeri u l-kaptani tal-flotta tal-Ordni.
 
Il-ħidma sfiqa tal-Kunsill tal-Birgu b’riżq dil-ġawhra ta’ belt, ħidma diżinteressata li ġġib l-għira ta’ kemm-il kunsill ieħor, tawgura futur mill-isbaħ f’dan Jum il-Birgu, jum marbut ma’ mumenti glorjużi ta’ ġrajjietha, mhux l-anqas billi, b’ċelebrazzjoni bħal tal-lejla, hawn f’Misraħ l-Assedju, għax tħoss ir-responsabbiltà, timpenja ruħha li ma tħallix tintilef il-memorja kollettiva ta’ dawn il-ġrajja, punti ta’ riferiment għall-istorja kollha ta’ pajjiżna.
 
 
Nirringrazzjakom.
 
 
Prof. Stanley Fiorini B.Phil., M.A.(Oxon), Ph.D.
1.ix.2012