Il-Ministru Dr Karm Mifsud Bonnici jagħmel żjara lill-Kunsill Lokali tal-Birgu


 

Qawmien mill-ġdid fil-Birgu bi sħubija bejn il-Gvern Ċentrali u l-Kunsill Lokali

Il-Birgu fl-aħħar snin esperjenza qawmien mill-ġdid grazzi għall-proġetti li twettqu mill-Kunsill Lokali tal-lokalità f’sinerġija mal-Gvern Ċentrali, tant li llum il-Birgu sar minnu nnifsu aktar attraenti għall-Maltin u dawk li jżuru l-gżejjer tagħna.

Waqt laqgħa u żjara li għamel lill-Kunsill Lokali tal-Birgu, nhar it-Tlieta 28 ta’ Frar 2012, il-Ministru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari, Carm Mifsud Bonnici, qal li permezz tal-proġetti kollha li saru fil-Birgu, ir-residenti saru aktar kburin bil-lokalità tagħhom u l-kummerċ kiber minħabba l-fatt li sar ukoll post turistiku fejn ħafna barranin ifittxu postijiet biex jikru jew jixtru. Fil-fatt bil-proġett tal-Kottonera, bil-preżenza tal-Mużew Marittimu, tal-Palazz tal-Inkwiżitur, ir-restawr tas-swar u t-tibdil li sar f’diversi toroq, huwa xhieda ċara ta’ dan l-impenn dirett kemm mill-Gvern Ċentrali kif ukoll mill-Kunsill Lokali.
 
Hu semma wkoll l-attivitajiet li l-Kunsill Lokali tal-Birgu, immexxi mis-Sur John Boxall, organizza tul is-snin tant li llum huma parti integrali mill-kalendarju kulturali ta’ Malta – attivitajiet bħall-Festival tal-Logħob Tradizzjonali Malti, il-Birgu Fest u l-Birgu għad-dawl tax-Xemgħa li kull darba jiġbdu eluf ta’ viżitaturi f’din il-Belt.
 
Il-Ministru qal: “Il-Kunsill Lokali tal-Birgu huwa wieħed ħabrieki li dejjem għaraf x’kienu l-prijoritajiet ta’ din il-Belt u ħadem id f’id mal-Gvern Ċentrali biex iwettaq il-proġetti infrastrutturali u proġetti b’dimensjoni soċjali – bħal programmi ta’ eżerċizzju sportiv - li l-lokalità kellha bżonn.
 
Il-Kunsill dejjem kien fuq quddiem biex jisfrutta l-iskemi tal-Gvern Ċentrali. Daħal ukoll għal numru konsiderevoli ta’ proġetti parzjalment iffinanzjati mill-Unjoni Ewropea, li wkoll qed itejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti. Ir-riżultat ta’ ħidmet il-Kunsill tal-Birgu jista’ jarah kulħadd u jgawdih kulħadd.”
 

 

Is-Sindku tal-Birgu, is-Sur John Boxall, jagħti spjegazzjoni tal-proġetti li qegħdin isiru fiz-zona ta' Couvre Porte.
 
Waqt iż-żjara tiegħu l-Ministru u s-Sindku tkellmu wkoll dwar il-ħsieb li l-Kunsill għandu sabiex l-uffiċċju amministrattiv tiegħu jiċċaqlaq għall-Berġa ta’ Franza. Dan sabiex l-uffiċċju jkun iktar aċċessibbli għar-residenti f’post aktar ċentrali minn Couvre Porte, fejn huwa bbażat bħalissa.
 
Il-Kunsill Lokali semma wkoll l-inizjattivi li qiegħed fil-proċess li jwettaq fiż-żmien li ġej, bħall-attività kulturali tal-BirguFest 2012, attivitajiet sportivi u pannelli fotovoltajiċi fuq il-Berġa ta’ Franza, it-tisbieħ taz-zona magħrufa bħala tal-Ħawli, bħal proġett tar-railing u dawl adegwat fi Triq Fuq tal-Ħawli, liema proġett sar bl-għajnuna tal-Urban Improvement Fund.
 
Barra minn hekk, il-Kunsill Lokali tal-Birgu, bl-għajnuna tal-Awtorità tad-Djar, qiegħed jagħmel ix-xogħlijiet meħtiega sabiex jitkompla u jitlesta l-Ġnien Fuq tal-Ħawli. Hemm ukoll proġett li jħares lejn kif Belt tista’ tiffaċilita l-aċċessibiltà bejn il-baħar u l-art. Fil-fatt, il-ħsieb tal-Kunsill Lokali tal-Birgu huwa li permezz ta’ dan il-proġett jinbena shelter għall-water taxis.