IL-MEPA TAPPROVA T-TALBA GHALL-PLATFORM LIFT F’WIEĦED MIT-TURĠIN BISWIT IL-KNISJA TA’ SAN LAWRENZ

Il-MEPA tapprova t-talba ghall-Platform Lift f’wieħed mit-turġin biswit il-Knisja ta’ San Lawrenz
 
Nhar l-Erbgħa, 2 ta’ April 2014, l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), approvat it-talba tal-Kunsill Lokali tal-Birgu li saret fil-5 ta’ Lulju 2013, sabiex maġenb wieħed mit-turġien li jagħti għall-Knisja Parrokkjali ta’ San Lawrenz jiġi nstallat platform lift.
 
 
Kien snin ilu meta s-Sindku tal-Birgu, s-Sur John Boxall ġietu l-idea sabiex f’wieħed mit-turġien biswit il-Knisja ta’ San Lawrenz (fil-post indikat fir-ritratt t’hawn fuq) jiġi nstallat lift u propju ftit tal-jiem wara, kien il-Kunsill li b’vot unanimu approva din il-proposta.
 
Naturalment dan il-proġett tant bżonnjuż u li l-ħtieġa tiegħu kienet ilha tinħass, kien stmat li bejn wieħed u ieħor iqum madwar disgħa u għoxrin elf ewro (€29,000). Il-Kunsill Lokali tal-Birgu ħass li sabiex dan il-proġett iseħħ, kien jeħtieġ l-ewwel għajnuna finanzjara u wara tintalab l-approvazzjoni tal-kapitlu ta’ l-istess Knisja. Is-Sindku li kien ipropona dan il-proġett, ħa f’idejh id-delega tiegħu u propju ftit tal-jiem wara li ġie approvat il-proġett, għamel kuntatt telefoniku ma’ l-Eċċellenza tiegħu, Frà John Edward Critien fej spjega lilu dan il-proġett.
 
Ir-Rapprezentant u l-Ambaxxatur ta’ l-Ordni Militari Sovran ta’ San Ġwann f’Malta, minnufih irrisponda b’mod l-aktar pożittiv u talab lill-istess Sindku sabiex il-Kunsill jagħmel din it-talba formali permezz ta’ ittra ndirizzata lill-Eċċellenza tiegħu. Kien propju permezz ta’ ittra mill-istess Eċċellenza tiegħu fejn għarraf il-Kunsill Lokali tal-Birgu li l-Ordni ser tidħol għal dan il-proġett u l-finanzjament tiegħu.
 
 
F’dan l-istadju, kien infurmat l-Arċipriet ta’ dak iż-żmien, Fr. Joe Caruana sabiex miegħu jiġi diskuss dan il-proġett u tintalab l-approvazzjoni tal-Kapitlu. Ma kenitx sorpriza li r-risposta minn naħa tal-Kapitlu kienet waħda pożittiva, fejn minn hemm ingħata bidu immedjatament il-proceduri meħtieġa, bil-għajnuna tal-Perit Joseph Spiteri, sabiex jintalbu l-permessi tal-MEPA u ta’ l-entitajiet l-oħra kkonċernati.
 
 
Peress li l-Knisja Parrokkjali ta’ San Lawrenz, kienet iddikjarata mill-istess MEPA bħala binja ta’ l-għola grad storiku, din l-entità oġġezzjonat għal din it-talba. Bla dubju kellhom jinstabu pjanijiet oħra biex dan il-proġett ikun approvat u kien il-kapitlu li ħareġ u nsista li l-alternattiva kellha tkun biex issir mill-parti ta’ taħt tal-kampnar (fejn hemm il-qniepen). Hawnhekk il-Perit Joseph Spiteri kellu jibdel dak kollu pjanat għal dik il-proposta ġdid.
 
Dawn il-proposti ġodda, ma tantx niżżlu tajjeb mal-bord tal-MEPA u dan ma kienx ħlief għax issa kien ser jitmiss parti sostanzjali mit-taraġ tal-kampnar li jagħmel parti minn din il-binja definita bħala ta’ l-għola grad fil-Gżejjer Maltin. Din id-darba kien kulħadd qalbu maqtugħa u dan il-proġett, għal diversi snin intefa’ fuq l-ixkaffa u kważi kien intnesa.
 
Kien wara l-aħħar elezzjoni tal-Kunsill li saret fl-10 ta’ Marzu 2012, fejn fis-sbatax (17)-il laqgħa tal-Kunsill li saret it-Tlieta, 11 ta’ Ġunju 2013, dan il-proġett reġa’ tpoġġa mill-ġdid fuq l-aġenda għad-diskussjoni. Għal darboħra b’deċiżjoni unanima il-Kunsill wasal fi qbiel iżda din id-darba mhux għall-lift, iżda għall-platform lift. Għaldaqstant, il-proġett reġa’ tressaq ghall-approvazzjoni tal-MEPA u l-ispejjeż kollha relatati ma’ din l-applikazzjoni kienu taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill.
 
Naturalment, wara din id-deċiżjoni kellhom jiġu nfurmati mill-ġdid l-Eċċellenza tiegħu, Frà John Edward Critien u kif ukoll l-Arċipriet tal-Parroċċa, li din id-darba kien Fr Joe Cilia. Iż-żewġ partijiet qabblu mal-proposta l-ġdida tal-Kunsill fejn l-Eċċellenza tiegħu reġa’ ġedded l-għajnuna finanzjarja li l-Ordni kienet ser tikkontribuixxi biex jiġi nstallat il-lift.
 
Kien propju fil-5 ta’ Lulju 2013 fejn, għal darboħra, l-Perit Joseph Spiteri kien inkarigat mill-Kunsill sabiex jieħu f’idejh l-applikazzjoni ta’ dan il-proġett u jissottometti l-applikazzjoni lil MEPA. Minn naħa tal-Kunsill ġie deċiż li l-Kunsillier Anton Gellel ikun responsabbli minn dan il-proġett.
 
Illum nistgħu ngħidu li dak li kien ilu jinħass il-bżonn tiegħu, fi ftit ġimgħat oħra ser isir realtà u ser ikun ta’ għajnuna kbira għal dawk kollha li għal dawn l-aħħar snin xtaqu jżuru din il-Knisja ta’ valur storiku kbir u minħabba xi raġuni jew oħra ma setawx.
 
Fil-laqgħa tal-Kunsill li saret nhar it-Tlieta, 22 ta’ April 2014, b’vot unanimu ġie deċiż li dan il-platform lift ikun inawgurat nhar il-Ħamis, 7 ta’ Awwissu 2014 waqt attività li tiġi organizzata għal dawk kollha li jkunu rekoverati fl-isptarijiet jew fi djar ta’ l-anzjani.
 
Il-Kunsill Lokali tal-Birgu jixtieq jirringrazzja lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor għenu sabiex dan il-proġett isir realtà. Iżda l-akbar grazzi tmur ghall-Eċċellenza tiegħu, Frà John Edward Critien li bl-intervent dirett tiegħu, l-Ordni Militari Sovran ta’ San Gwann iffinanzjat dan il-progett.