Il-Kunsill Lokali tal-Birgu jipparteċipa wkoll fl-'Inizjattiva Lokalitajiet Indaf'


Is-Sibt 17 t’Ottubru, 2009, il-Kunsill Lokali tal-Birgu ngħaqad ma’ diversi Kunsilli Lokali madwar Malta u Għawdex fejn matul ix-xahar t’Ottubru, nhiedu diversi kampanji u attivitajiet edukattivi bl-għan prinċipali li titqajjem kuxjenza favur il-ħarsien u l-konservazzjoni tal-ambjent u lokalitajiet indaf. Din il-kampanja edukattiva qed tiġi mħeġġa u mqajjma mis-Segretarjat Parlamentari għad-Djalogu Pubbliku u l-Informazzjoni u min-naħa tad-Dipartiment tal-Gvern Lokali bl-għajnuna ta’ dawk il-Kunsilli li għażlu li jipparteċipaw, fosthom il-Kunsill Lokali tal-Birgu.

Bħala parti minn din il-kampanja edukattiva, is-Sibt 17 t’Ottubru, 2009, il-Kunsill Lokali tal-Birgu bil-kollaborazzjoni tal-Vittoriosa Stars Youth Nursery organizza inizjattiva sabiex jitnaddaf “Ġnien il-Kunsill”, il-post magħruf bħala “Il-Foss” li għal bosta snin dan il-post kien żdingat u abborit minn kulħadd.
 
Għal din l-attivita pparteċipaw madwar 25 tifel mill-Vittoriosa Stars Youth Nursery bil-parteċipazzjoni tal-membri tal-kumitat u membri tal-Kunsill, bl-għan prinċipali li titqajjem kuxjenza qalb dawn it-tfal dwar l-importanza li tinżamm il-lokalita nadifa u l-ambjent aħjar, b’hekk dan il-post jintuża aħjar fil-ħin liberu tagħhom u jkun post ta’ rikreazzjoni għar-residenti tal-lokal.
 
Is-Sindku, s-Sur John Boxall, irringrazzja lit-tfal kollha preżenti kif ukoll lill-Kumitat tal-Vittoriosa Stars Youth Nursery u l-ġenituri kollha li nkoraġġew lil uliedhom sabiex jattendu għal din l-inizjattiva.