Il-Belt tal-Birgu Ġurnata Mingħajr Karozzzi (Car Free Day 2013)


 
Il-Belt tal-Birgu Ġurnata Mingħajr Karozzzi (Car Free Day 2013)
 
Nhar il-Ħadd 22 ta’ Settembru 2013, il-Kunsill Lokali tal-Birgu ingħaqad ma’ Kunsilli Lokali oħra fil-Gżejjer Maltin sabiex fil-lokalita rispettivi tagħhom jorganizzaw attivita’ ta’ ġurnata bla karrozzi, liema attivita’ ġiet sponsorjata mill-Awtorita’ Maltija tal-Ippjanar (MEPA).
Il-Kunsill Lokali tal-Birgu permezz ta’ notifika mibgħuta lir-residenti kollha relatata ma’ dan l-avveniment, inkoraggixxa lir-residenti sabiex matul din il-ġurnata ma jużawx il-vetturi tagħhom u jużaw ir-roti. L-iskop ewlieni ta’ din l-attivita’ kien sabiex matul il-ġurnata, fil-każ tagħna l-Belt Marittima u storika tal-Birgu jitnaqqsu d-dħaħen u jkollna l-arja ta’ madwarna aħjar.
Matul din il-ġurnata numru sostanzjali ta’ toroq kienu magħluqa għat-traffiku fejn fil-pjazza ewlenija ġew organizzati bosta attivitajiet għat-tfal fejn dawn setgħu jilagħbu basketball u football taħt is-sorveljanza tal-coaches li jagħmlu parti mill-Kunsill Malti għall-Isport. Kienu l-1st Cospicua Scouts Group li fetħu din l-attivita hekk kif immarċjaw madwar diversi toroq fil-lokalita tal-Birgu. Ma’ dawn kien hemm bosta attivitajiet oħra divertenti, fejn ġew mistiedna żewġ gruppi ta’ żfin u mużika mill-gżira Għawdxija, dawk tal-Fulklar Folk Group u Mnarja Folk Group. Iżekwu dan l-avveniment ingħaqdu wkoll Wesley u Ilona fejn ghamlu sezzjoni ta’ siegha Zumba ghal dawk kollha li attendew u kif ukoll mużika Maltija bil-mandolina u l-kitarra minn Camilleri Trio. Matul din l-attivita’ ġew imqassma minn volontiera, flieli tad-dulliegħ għal dawk kollha preżenti, fejn dawn ġew mogħtija mis-sinjura Joyce Galea għan-nom tal-Frott Artna.
Għal din l-attivita wkoll, il-Kunsill ħeġġeg u ta l-permessi meħtieġa sabiex il-każini u l-ħwienet kummerċjali jarmaw l-imwejjed u s-siġġijiet biswiet il-ħwienet – każini tagħhom matul din il-ġurnata.
Din l-attivita bħall-attivitajiet l-oħra li jiġu organizzati mill-Kunsill Lokali tal-Birgu kienet waħda ta’ suċċess u dan kollhu huwa dovut għal koperazzjoni tar-residenti, tal-istaff klerikali tal-istess Kunsill li ħa ħsieb l-organizazzjoni ta’ din l-attivita u tal-bosta helpers li taw is-sehem tagħhom volontarjament u mhux l-anqas tal-Awtorita Maltija għall-Ippjanar li ffinanzjat dan l-avveniment.
Il-Kunsill Lokali tal-Birgu jixtieq jirringrazzja lil dawk kollha li b`xi mod jew ieħor taw is-sehem tagħhom biex tiġi organizzata din l-attivita’.