Gieh Jum il-Birgu 2008 - Dun Pawl Raggio




 

Monsinjur Pawlu Raggio twieled fit-23 ta’ Awissu 1941, is-sitt wild fost it-tmint’ itfal li rabbew b’għożża l-miżżewġin Salvatore u Lorenza nee Portelli.

 

Sa minn ċkunitu wera ġibda lejn il-knisja u l-funzjonijiet reliġjużi bir-riżultat li serva għal għadd ta’ snin bħala abbati fil-Knisja ta’ San Lawrenz. Kien wieħed mill-aħjar abbatini, tant li l-Kanonku Dun Ġuzepp Delia, id-Direttur tal-Piccolo Clero, kien għazlu bħala l-Prefett ta’ l-abbatini tal-parroċċa.

 

Beda l-edukazzjoni tiegħu fl-Iskola Primarja tal-Gvern u kompla fil-Kulleġġ De La Salle. Min hawn kien għadda mill-eżami għal apprentista fit-Tarzna u għażel li  jitħarreġ bħala Electrical Apprentice u kompla jistudja fid-Dockyard Apprentices Training College. Wara  telq mid-dockyard u daħal jaħdem skrivan mal-Gvern bħala clerk typist.

 

Bħala parrinu tal-Griżma kellu lill-Mużewmin Santinu Zahra, li ma setax jonqos li ma jħajrux iħaddan is-Soċjeta’ tal-Museum, fejn inkorpora soċju fil-Milied ta’ l-1959.

 

Fl-1962, kienu qed isiru tħejjijiet biex is-Soċjeta’ tal-Museum tidħol fl-Amerika Latina.  Pawlu Raggio kien wieħed minn fost it-tliet soċji li kellhom jagħmlu dan. Iżda kienu nqalg]u xi diffikultajiet u dan il-proġett baqa’ ma’ seħħx.

 

Iżda Raggio kien determinat li jibda ħidma missjunarja f’dak il-kontinent, aktar u aktar meta f’waħda mil-Laqgħat ta’ Nhar ta’ Erbgħa li l-Museumini jkollhom fid-Dar Ċentrali, kien mar ikellimhom missjunarju Għawdxi fil-Brażil, fejn urihom il-ħtieġa ta’ aktar ħaddiema fl-għalqa tal-Mulej.

 

Raggio beda kuntatt ma’ l-Isqof Monsinjur Carlos Coelheo Arċisqof tal-belt ta’ Recife, u f’Ottubru ta’ l-1963,ħalla Malta lejn il-Brażil, fi triqtu lejn is-saċerdożju. Kif wasal hemm, sab jilqgħuh  lil oħtu, Suor Donatrina flimkien ma’  Suor Sofia Ciantar, żewġ sorijiet Vittoriosani tal-Kongregazzjoni tal-Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesu’, li kienu ilhom missjunarji fil-Brazil għal xi snin.

 

Beda l-ewwel studji tiegħu fis-Seminarju ta’ North East u fl-Istitut tat-Teoloġija f’Refice, fejn beda jitgħallem ukoll il-Portugiż, il-lingwa tal-Brażil.

 

Fil-25 ta’ Mejju 1969, ġie ordnat saċerdot minn Mons. Helder Camara,  Arċisqof ta’ Olinda, fil-Knisja tal-Madonna ta’ Fatima f’Mangaberra. Wara l-ordinazzjoni kompla l-istudji tiegħu fl-Universita’ Kattolika ta’ Pernambuco u aktar tard l-Arċisqof fdalu f’idejh il-parroċċa ta’ San Ġuda Taddeo, f’Recife.

 

F’1969 Dun Pawl gie għall vaganżi u biex iqaddes l-ewwel quddiesa solenni tiegħu fil-parroċċa. F’Lulju ta dik is-sena amministra s-sagrament tal-Magħmudija lill heputiħ Mario fil-Parroċċa ta’Santa Katerina ż-Żejtun.Wara ir-ritorn fil-Parroċċa tiegħu fil-Brażil Dun Pawl beda jaħseb biex jibni knisja ġdida. Wara ħafna hidma u sagrifiċċji, irnexxielu iwettaq il-pjan tiegħu. Fl-1974, wara 11-il sena ħidma missjunarja, Dun Pawl reġa’ lura Malta u beda ħidmietu fil-parroċċa ta’ din il-belt.

 

F’1975  l-Arċisqof Mikiel Gonzi ħatru Kanonku tal-Kolleġġjata ta’ San Lawrenz.  Il-ħidma tiegħu fil-parroċċa bidet fiz-zona parrokkjali ġdida fil-Qasam tal-Hawli. F’1980 serva ukoll bħala Viċi-Kappillan fil-parroċċa tal-Madonna ta’ Lourdes, f’Raħal Ġdid.

 

 Fid-29 ta’ Novembru 1982, l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca nnominah Arċipriet ta’ din il-parroċċa, bhala suċċessur tal-Kanonku, illum Monsinjujr, Dun Lawrenz Mifsud. F’27 ta’Frar 1983 il-Kapitolu tal-Kolleġġjata flimkien mal-Banda Vittoriosan San Lawrenz akkompanjaw lill Kanonku Dun Pawl mid-dar tiegħu sal-Parroċċa fejn ħa il pussess ta Arċipriet minn Monsenjur Carmelo Xuereb.

 

Kienu diversi x-xogħlijiet li twettqu tul il-parrokkat ta’ Dun Pawl. Prominenti fosthom hemm  ir-restawr tal-pittura ta’ Cali’ - l-Apoteosi ta’ San Lawrenz, fis-saqaf tal-kor u r-restawr ta’ l-artal  tal-Madonna tal-Karita, fil kappellun fuq in-naħa tax-xellug tal-knisja monumentali ta’ din il-belt. Xogħlijiet oħra jinkludu l-mensola li tikkomplimenta l-artal mejda, l-irħama li tfakkar il-miġja tal-Papa Gwanni Pawlu II fil-Birgu u l-Monument artistiku li jfakkar għeluq id-900 sena mit-twaqif  tal-parrocca. Kien ukoll il-President tal-Kumitat Organizzattiv li sawwar iċ-ċelebrazzjonijiet kbar li saru f’din l-okkażjoni.  

 

Bħala Arċipriet tal-parroċċa, kien ukoll il-President tal-Kumitat tal-Festi Esterni ta’ S. Lawrenz u Kappillan tas-Soċjeta’ Mużikali Vitoriosana San Lawrenz.

 

Fost ċelebrazzjonijiet oħra mhux tas-soltu li saru fi zmien il-parrokkat tieghu kienu l-Prima Messa ta’ Dun Louis Suban, illum Arċipriet tal-Kolleggjata tar-Rabat u għeluq il-50 sena saċerdotali ta’ l-ex-Arċipriet ta’ din il-parroċċa, Mons. Pawlu Galea.

 

Sa ma ntemm il-parrokkat tiegħu f’din il-belt, għamel ħafna xogħol ta’ appostolat fost għadd ta’ familji u individwi, fis-skiet u mingħajr daqq ta’ trombi.

 

 Għandu stima kbira u mħabba speċjali  għall-istorja ta’ din il-belt. Xiehda ta’ dan hu s-sehem kbir li kellu, bl-inkoraggiment u l-koperazzjoni  tiegħu bla tarf,  biex l-Oratorju ta’ San Ġużepp jinfetah bħala Mużew tal-Parroċċa, li sar b’ghajnuna ta’Ambaxxatur Germaniz. Illum il-Muzew huwa attrazzjonijiet prinċipali għal dawk li jżuru din il-belt. Dun Pawl huwa wkoll il-President  attwali tal-Vittoriosa Cultural and Historical Society.

 

F’Ottubru 1991, l-Arċisqof ħatru kappillan ta’ Hal Balzan, fejn baqa’ sa l-1996. Tul dawn il-ħames snin, ħadem biex kompla jsebbaħ it-Tempju tal-Lunzjata billi, fost oħrajn, tkompliet il-pittura tas-saqaf u sar damask ġdid għal wieħed mill-kappelluni.

 

Wara Hal Balzan, l-Arċisqof għoġbu jaħtru Direttur Spiritwali tas-Seminarju Minuri u ħidma sacerdotali fil-parroċċa ta’ Had-Dingli.

 

Fis-sena 2000, wara l-mewt tad-Dumnikan Patri Martin Caruana, inħatar Rettur tal-Knisja ta’ San Martin tal-Baħrija. Hawn, Dun Pawl jibqa mfakkar għal diversi xogħlijiet, fosthom l-antiporta tal-bieb prinċipali, il-paviment ta’ rħam tal-presbiterju u olterazzjonijiet u xogħol ieħor ta’ kostruzzjoni fid-dar tar-Rettur ta’ dik il-knisja.

 

Fis-sena 2005, reġa’ lura ‘l-Birgu, fejn, wara l-mewt tal-Kanonku Dun Anton Cachia, Dun Pawl ġie nominat Kappillan tal-Monasteru tas-Sorijiet Benedittini ta’ Santa Skolastika u viċi-kappillan fil-Kalkara, kif għadu sallum.

 

L-istima kbira li baqa’ jgawdi Dun Pawl wasslet biex jinħatar mill-ġdid Kanonku effettiv tal-Kolleġġjata tal-Birgu u fi tmiem l-2006, flimkien mal-Vittoriosan l-eħor Dun Ġużepp Caruana, inħatar Kamrier Sigriet tal-Papa, bit-titlu ta’ Monsinjur.