Ftuħ tal-Maratona tal-Pool fil-Birgu

           

            TIFTAĦ IL-MARATONA TAL-POOL FIL-BIRGU

 

 

Iż-żgħażagħ għandhom ħafna x’joffru lis-soċjeta’ u mill-bankijiet tal-iskola qed jitgħallmu ħafna valuri fosthom dik tas-solidarjeta’. Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Kummissarju ġdida għat-tfal, is-Sinjura Helen D’Amato, waqt il-ftuħ uffiċjali tal-11-il edizzjoni tal-Maratona tal-Pool li qed issir fil-Kulleġġ Santa Margerita Sekondarja Subien tal-Birgu. Maratona ta’ 51 siegħa li matulha se jinġabru fondi b’riżq l-organizzazzjoni TGĦANNIQA ta’ Bormla.

 

Is-Sinjura D’Amato, fl-ewwel attivita’ pubblika tagħha minn mindu nħatret Kummissarju għat-tfal, faħħret l-inizjattiva tal-istudenti u l-għalliema ta’ din l-iskola u ħeġġet lill-pubbliku sabiex jappoġġja din l-attivita’. Qalet li l-istudenti għandhom iħossuhom kburin li qed jieħdu sehem f’din il-maratona minħabba li qed ikunu ta’ għajnuna għal ħaddiehor.

 

Tmintax-il student mill-iskola tal-Fortini qed jieħdu sehem fil-maratona ta’ din is-sena. Il-plejers parteċipanti huma maqsuma f’żewġ gruppi u qed jikkompetu kontra xulxin b’sistema round robin sakemm jgħaddu għat-tieni fażi li mbagħad twassal għall-kwarti tal-finali, semifinali u l-finali. L-għan tal-kompetizzjoni huwa biss sabiex jinżamm l-entużjażmu fost il-parteċipanti, b’mod speċjali fil-ħinijiet ta’ bil-lejl meta l-għejja tibda tinħass sew.

 

Ta’ min jinnota l-fatt li għall-ewwel darba erbgħa mill-parteċipanti tal-Maratona se jkunu studenti mill-iskola Sekondarja Subien tal-Verdala, li wkoll tifforma parti mill-Kulleġġ Santa Margerita.

 

Għaċ-ċerimonja ta’ dalgħodu attendew ukoll l-Assistent Segretarju Parlamentari, l-Onorevoli Stephen Spiteri, flimkien mal-Membri Parlamentari min-naħa tal-Oppożizzjoni, l-Onorevoli Chris Agius u Stefan Buontempo.  Preżenti wkoll, kien hemm ukoll is-Sindku tal-Birgu, John Boxall, flimkien ma’ uffiċjali għolja mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni.

 

Il-maratona tal-Pool bdiet tiġi organizzata fl-1999. L-għan kien li fl-istudenti tal-iskola tal-Fortini jitrawwem sens ta’ altruwiżmu filwaqt li jifhmu li huma wkoll għandhom sehem x’jagħtu lis-soċjeta’. Ġie deċiż li dan isir permezz ta’ attivita’ sportiva, minħabba li l-isport jiġbor fih l-elementi ta’ dixxiplina, ħbiberija, dedikazzjoni u impenn. Intgħażel il-Pool għax huwa sport popolari ħafna magħna l-Maltin, sport li jiġi pprattikat ħafna fil-każini u l-klabbs lokali. 

 

Hija l-unika maratona sportiva filantropika li tiġi organizzata fil-Kottonera u f’dawn l-aħħar tmien snin dejjem kienet okkażjoni fejn fiha ħareġ is-sabiħ tan-nies u tar-reġjun tal-Kottonera.