ESEBIZZJONI “ARTI FESTIVA” TA’ ANDREW LAWRENCE ZARB FL-OKKAŻJONI TA’ BIRGUFEST 2011
L-Għaqda Levita Martri għall-ħames sena konsekuttiva ser torganizza wirja fis-sede tagħha, dan huwa bla dubju ta’ xejn id-dar Levita Martri fi Triq Nestu Laiviera fil-Belt Vittoriosa. Bħal kull sena il-wirja jkolla tehmi differenti biex b’ hekk dejjem kellha attrazzjoni differenti li tolqot lil kull viżitatur li jżurha. L-arti festiva f’ din id-dar din is-sena għalqet 15-il sena. Għal din is-sena ħsibna li jkollna wirja varjata fuq l-istess tehma tal-15-il sena minn meta bdejna narmaw din id-dar. L-esebizzjoni ser tkun maqsuma f’ħames partijiet. L-ewwel parti ser tkun l-arti tal-ħjata tal-bnadar, pavaljuni u bandalori mix-xogħol tal-Levita Martri Flag Makers li hija l-kumpanija propjeta tal-istess għaqda. Fiha ser ikunu esibiti xogħlijiet u ritratti ta’ bnadar u pavaljuni li għamilna tul is-snin. It-tieni parti tal-wirja ser tkun l-arti tal-presepji, din ser tkun imtella’ minn Miriam Vella mill-Kalkara. Ix-xhur daqt igerbu u għalhekk dalwaqt insibu ruħna fil-festi tal-Milied, għalhekk tajjeb li wieħed jara kif ukoll ikun jista’ jixtri xi presepju sabiħ. It-tielet parti hija l-proċess li minnu għaddejj il-pedistall ta’ San Lawrenz li semmejna aktar ‘il fuq. Bħalissa qed jinħadem il-bronż. Fil-wirja ser inkunu qed naraw ritratti tal-proċess, il-mudell u xi biċċiet mill-forom. Jekk Alla jrid dan ser jiġi inawgurat mill-Arċisqof ta’ Malta fl-2013. Ir-raba’ parti ser tkun tinkludi tpinġijiet bil-lapes tas-Sur Spiridione Buhagiar mill-Birgu. F’din il-parti ser naraw varjazzjoni ta’ arti li l-id ta’ dan ir-raġel Vittoriosan li tul is-snin ħoloq repetorju vast ħafna ta’ tpinġijiet. Il-ħames u l-aħħar sezzjoni tal-wirja ser tkun selezzjoni kbira ta’ santi antiki li jixhdu d-devozzjoni u t-tradizzjonijiet ta’ dari. Is-santi kienu minn dejjem attrazzjoni antika u tradizzjoni u għalhekk is-Sur Russell Brincat, assistent prokuratur tal-għaqda ġabar kollezzjoni antika minn dawn ix-xbihat antiki. Nieħu din l-okkażjoni biex nirringrazzja lill-Kunsill Lokali tal-Belt Vittoriosa li ta’ kull sena jagħtina l-opportunita li nieħdu sehem fil-Birgufest li huwa magħruf ħafna fil-Gżejjer tagħna. Nirrakkomanda lid-dilettanti tal-arti sabiex jaslu wasla sad-Dar Levita Martri li naf li jekk Alla jrid ħa terġa’ tkun mimlija tilqa’ numru sabiħ ta’ viżitaturi ta’ dan il-Festival Nazzjonali. Andrew-Lawrence Zarb Prokuratur Għaqda Levita Martri |
|


























