Biza` u Kurragg - Rumanz ta` Karmenu Mallia, BDL,2013,382pp.

Biża’ u Kuraġġ
Rumanz ta’ Karmenu Mallia , BDL, 2013, 382pp.
 
 
 
 
Il-gwerra tal-1939.
 
Il-ballerina Célestine Bijou tħobb lil Fredu Flores, mill-Birgu.
Imma meta dan kien mar jistudja l-pittura Ruma, ħadhielu t-Tabib Michel Bru u żżewwiġha.
 
Célestine mietet f’inċident. Issa t-Tabib beda jrabbi ’l Miriam, bint ħuh.
 
Hilda, oħt Fredu Flores, kienet artista, poeta u membru tal-Għaqda Drammatika tal-Każin S. Lawrenz tal-Birgu.
 
Id-deżolazzjoni tal-Birgu vojt fl-aħħar gwerra. Ħafna marru joqogħdu Ħal Qormi.
 
Miriam u Hilda ltaqgħu flimkien Ħal Qormi, meta l-familji marru rifuġjati hemm. Fredu jiżżewweġ lil Miriam. Dun Belin, Kanonku tal-Birgu, kien ta’ għajnuna għal ħafna nies, mhux l-inqas għall-Kappillan ta’ Ħal Qormi l-aktar fil-kas tal-‘miraklu ta’ San Ġorġ’ li qajjem ’il Ħal Qormi kollu imma spiċċa b’wiċċ il-ġid.
 
Miriam tmur il-Birgu fl-eqqel ħbit tal-Illustrious.
 
Hilda żżewġet lit-Tabib Bru, imma dan miet f’inċident wara l-bombi li waqgħu Ħal Qormi. Hilda armla. Tħajjar għaliha l-Avukat Bastjan, imlaqqam ‘Il-Lellekkin’, imma hi ma riditux.
 
Hilda tidħol soru mas-Sorijiet ta’ San Benedittu tal-Birgu u addottat l-isem: Suor Ermenegalda. Imma l-Avukat Bastjan baqa’ jiġri warajha, ukoll fil-Kunvent. Kif?
 
Wasal il-Konvoj ta’ Santa Marija. Ferħ kbir fil-Port il-kbir. Tama ta’ umanità ġdida.
Minn żmien ta’ biża’, il-Maltin issa bdew iduqu żmien il-faraġ, it-tama u d-demokrazija.
 
Il-Biża’ welled il-kuraġġ.
 
 
 
Min huwa Dr.Karmenu Mallia?
 
Dr Karmenu Malli
 
Twieled Ħal Qormi fid- 9 ta’ Nov,1929.Studja s-Seminarju, studja l-filosofija Franza; għandu l-BA Hons (Lond) fil-Franċiż; DLitt. fil-letteratura; Dottorat fl-Istudji Bibliċi (distance learning) minn Calif, USA; Diploma fil-Food Hygiene & Hotel Catering (Pariġi); Diploma fil-Global Ethics mill-Finlandja; Liċ. fl-Esperanto.
 
Hu president tal-Malta Esperanto-Societo, membru-fundatur ta’ l-Ghaqda Kittieba Esperantisti (Esperantista Verkista Asocio), membru ta’ l-Universala Esperanto-Asocio u membru ta’ l-Akkademja tal-Esperanto; membru onorarju tal-Għaqda Poeti Maltin. Hu wkoll President tal-‘Għaqda Ġużé Muscat-Azzopardi / Awturi Qriema’.
 
Ħareġ ġabriet ta’ poeżiji, bl-Esperanto, bil-Franċiż u bl-Ingliż, bil-Malti u bit-Taljan. Għandu rumanz bl-Esperanto bi sfond Malti. Rebaħ ħafna premjijiet kemm Malta kif ukoll barra f’konkorsi ta’ proża u poeżija. Tliet snin ilu rebaħ l-ewwel premju bi dramm tiegħu bl-Esperanto miktub f’versi f’konkors internazzjonali għad-drammi bl-Esperanto.
 
Ippubblika diversi artikli bl-Esperanto fuq l-istorja u l-letteratura ta’ Malta f’diversi rivisti barra minn Malta. Għamel żewġ diskorsi fil-kungressi internazzjonali tal-Esperanto:wieħed fuq l-Istorja ta’ Malta f’Varsavja, Polonja(1987), u l-ieħor fuq il-letteratura Maltija f’Montpellier, Franza (1998). Fil-kungress Ekumeniku Internazzjonali bejn l-esperantisti Kattoliċi u l-Protestanti f’Rimini (2003) qara diskors fuq l-‘Eżistenzjaliżmu ta’ Dun Karm f’il-“Jien u Lilhinn Minnu”.
 
Artiklu tiegħu: “De la interna ideo al homaranismo” (Mill-idea ġewwinija għall-umaneżmu), l-ideal li kellu Zamenhof, l-awtur ta’ l-Esperanto, inqaleb għar-Russu. Jikkontribwixxi kull xahar artiklu bil-Malti ta’ natura kulturali f’waħda mill-gazzetti Maltin.
 
Għall-Malti mill-Esperanto qaleb a) il-ktieb ta’ avventuri tal-Jugoslav Tibor Sekelj:’Kumewawa’, u b) il-kors ta’ l-Esperanto, magħruf bħala l-“Kors ta’ Zagreb”. Ippubblika wkoll “Zamenhof”, il-ħajja tal-awtur tal-Esperanto.
 
Sentejn ilu l-BDL ippublikalu t-triloġija bl-isem ġenerali: “Patrijotti u Ġakbini’. It-tliet rumanzi għandhom dawn it-titli: a) Il-Baruni ta’ Ħal Qormi; b) L-Irvell tal-Qassisin; u ċ) Dell Napuljun fuq Malta.
 
Sas-sena li għaddiet, Mallia kien wieħed mit-tliet ġudikanti għall-konkors internazzjonali ta’ poeżija bl-Esperanto li tniedi kull sena l-Assoċjazzjoni Universali tal-Esperanto.
Kien ingħata Ġieħ Ħal Qormi u Ġieħ Ħaż-Żabbar.
 
Il-Prezentazzjoni ta' dan ir-rumanz storiku fuq il-Birgu fl-ahhar gwerra dinjija ser tkun nhar il-Gimgha 28 ta' Frar, 2014 fis-6.30 ta' filghaxija u ser issir fis-Sala Nobile fil-Berga ta' Franza , Triq Hilda Tabone, Birgu.