“NESTU LAIVIERA SER JIĠI MFAKKAR F’BELT TWELIEDU”




Nhar il-Ħadd 11 ta’ Jannar 2009, ser jaħbat –il ħamsa u għoxrin (25) sena anniversarju mill-mewt ta’ l-ex Speaker tal-Kamra tar-Rapreżentanti u Deputat Laburista għal bosta snin fost karigi oħrajn li kien jokkupa l-istess partit, Nestu Laiviera imwieled il-Birgu fid-29 ta’ Frar 1908.

Il-Kunsill Lokali tal-Birgu madwar sena ilu f’waħda mil-laqgħat tal-Kunsill b’vot unanimu iddeċieda li propju f’din il-ġurnata jfakkar lil dan il-politiku Vittoriosan fi ħdan il-Partit Laburista billi jagħmillu mafkar fl-aktar post prominenti, f’wieħed mit-tlett bibien li jagħmlu parti mill-fortifikazzjoni li jdawwru lil din il-Belt Marittima  bit-titlu li ngħatalha l-Belt Vittoriosa. 

Dan il-mafkar li ser jitpoġġa taħt il-bieb ta’ Couvre Porte ser jiġi nawgurat nhar il-11 ta’ Jannar 2009 fl-għaxra u nofs ta’ filgħodu (10.30am), mill-Prim Ministru ta’ Malta Dr Lawrence Gonzi flimkien mal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni u Mexxej tal-Partit Laburista Dr Joseph Muscat, b’ċerimonja li għaliha ġew mistiedna bosta personalitajiet distinti fosthom Dr Louis Galea, l-ispeaker attwali tal-Kamra tar-Rappreżentanti kif ukoll dawk li matul dan l-aħħar żminijiet servew il-pajjiż f’din il-kariga.

Fost dawn ukoll insibu lill-familjari u l-qraba ta’ dan il-politikant li minnhom qatt minsi, kif ukoll lil wieħed mill-akbar ħbieb tiegħu li ħadem spalla ma’ spalla miegħu Dr Vincent Moran, li ser jagħmel id-diskors kommemorattiv ta’ din l-okkażżjoni. 

Għal Kunsill Lokali tal-Birgu din l-okkażżjoni li barra li ser tkun kommemorazzjoni ta’ wieħed minn ulied Belt tweliedu, ser tkun ukoll okkażżjoni li tkabbar il-kullana tal-ġrajjiet li sawru l-istorja ta’ din il-Belt li tant hi miżugħda biha.