Ħarġa fl-Okkażjoni ta’ "Jum l-Omm"


Il-Kunsill Lokali tal-Birgu bħal ma għamel fi snin preċedenti, din is-sena wkoll ħa ħsieb biex jorganizza attivita’ fl-okkażjoni ta’ ‘’Jum l-Omm’’. Din id-darba kienet kemxejn differenti minn tas-soltu. Dawk kollha li attendew għal din l-attivita’, li kienu mija u ħamsa u għoxrin omm, kellhom l-okkażjoni, ħafna minnhom għall-ewwel darba, jżuru l-Palazz Presindenzjali ta’ Verdala fejn hemm dawn ġew maqsuma f`żewġ gruppi.
Biex kulħadd seta’ jgawdi mill-ġmiel ta’ dan il-Palazz, l-ewwel grupp immexxi minn gwida daru dan il-Palazz fejn fl-istess ħin il-grupp l-ieħor attenda għall-quddiesa li saret fil-kapella tal-istess Palazz iċċelebrata mill-Arċipriet tal-Parroċċa ta’ San Lawrenz, Fr Joe Cilia. Dawn il-gruppi mbagħad alternaw, fejn dak il-grupp li beda jdur mal-Palazz, hekk kif spiċċat din il-mawra fil-Palazz, attendew għall-quddiesa fl-istess kappella, imma din id-darba ċċelebrata mill-Pirjol tal-Patrijiet Dumnikani tal-Lunzjata fil-Birgu, Fr Frank Borg. Hekk sar mal-grupp l-ieħor li attenda għall-ewwel quddiesa, fejn dawn ukoll kellhom l-okkażjoni jduru mal-kmamar ta’ dan il-Palazz majestuż.
Hekk kif din il-mawra fil-Palazz Presidenzjali waslet fi tmiemha, l-grupp kollhu qabad triqtu lejn il-Buskett Road House fejn hemm saret l-ikla ta’ nofsinhar. Wara l-ikla kulħadd tħalla għal ftit fil-liberta tiegħu, fejn imbagħad kulħadd reġa' nġabar sabiex nirritornaw lura d-dar.
Is-suċċess ta’ din l-attivita, li kienet l-ewwel waħda li ġiet organizzata mis-sotto kumitat presedut mill-Kunsillier Lorry Attard kemm ilu jiffunzjona l-Kunsill Lokali l-ġdid, kien kollu dovut għal membri ta’ dan is-sotto kumitat u ta’ dan barra l-prosit, ħaqqhom grazzi ħafna. Grazzi kbira tmur għas-Sinjura Rose Zammit li hija wkoll tagħmel parti minn dan is-Sotto Kumitat fejn ipprovdiet it-tokens (rigal żgħir) għal dawk kollha li attendew għal din l-attivita.
Nista' ngħid li dan is-sotto kumitat hekk kif għaddiet din l-attivita mill-ewwel beda jaħseb biex jorganizza ħarġa simili, imma din id-darba għall-missirijiet fl-okkażjoni ta' "Jum il-Missier"’ u attivitajiet oħra għall-familji kollha.