Ġurnata fi Sqallija organizzata mill-Kunsill Lokali tal-Birgu


Ġurnata fi Sqallija organizzata mill-Kunsill Lokali tal-Birgu
 
Il-Kunsill Lokali tal-Birgu nhar is-Sibt 9 ta’ Ġunju, 2012 organizza ġita ta’ ġurnata għal Sqallija. Din kienet l-ewwel attivita li l-Kunsill organizza barra minn xtutna u kull min mar jista’ jgħid kemm ħa gost u kemm kienet organizzata tajba. Matul dan il-jum li beda minn filgħodu kmieni, hekk kif il-grupp bil-katamaran ‘Jean de la Vallette’ wasal fil-Port ta’ Pozzallo sabu tistennihom kowċ li ħadithom għall-kolazzjon.
 
Minn hemm il-grupp li kien jikkonsisti minn 19-il ruħ ittieħed għall-ewwel eskursjoni fejn kellhom l-opportunita jduqu prodotti tipiċi Sqallin bħall-inbid, ġobon, ċikkulata, żejt u diversi prodotti oħra. Barra milli jduqu dawn il-prodotti, kellhom l-opportunita li jixtru bi prezz speċjali minn dawn il-prodotti.
 
Iktar tard il-grupp żar il-villaġġ pittoresk ta’ Ragusa Ibla fejn kellhom il-ħin jaraw u jammiraw il-ġmiel ta’ dan il-post. Hekk kif beda jsir il-ħin għall-ikel, il-grupp immexxi tant tajjeb mit-tour leader, s-Sur Joe Micallef, beda triqtu lejn id-Diga ta’ Santa Rosalia fejn mal-wasla tagħhom sabu tistennihom ikla kbira ta’ ikel tipiku Sqalli fosthom diversi antipasti, għagin, ravjul, laħam imsajjar b’modi differenti, frott u ħlewwiet.
 
Hawnhekk setat tiġi nnutata l-espressjoni ta’ pjaċir u ta’ gost li kulħadd kien qed jieħu. Wara l-ikel fejn ukoll kulħadd kellu l-ħin liberu biex jistrieħ xi ftit jew imur għal xi passiġġata, kif kien pjanat il-grupp ittieħed lejn iċ-ċentru kummerċjali ġewwa l-belt ta’ Modica, fejn hemm kulħadd kellu ċ-ċans li jagħmel xi xiri.
 
Hawnhekk tista’ tgħid li kienet qegħda tiġi fi tmiemha din il-ġita, imma t-tour leader għażel li jieħu lill-grupp sal-lungomare, ix-xatt ta’ Pozzallo, fejn hemm kulħadd seta’ jqatta’ l-aħħar ħin jirrilassa. Malli sar il-ħin il-grupp beda triqtu lejn il-Port ta’ Pozzallo biex minn hemm jibda l-vjaġġ lura lejn Malta. 
 
Il-kummenti minn dawk kollha li ġew għal din il-ġita kienu kollha pożittivi u dan kien ta’ nkoraġġiment biex fil-futur il-Kunsill Lokali tal-Birgu jorganizza aktar minn dawn l-attivitajiet.